Lokali

L-Eks CEO tal-Partit Laburista b’paga ta’ ‘l fuq minn €93,000

George Azzopardi, l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u li ftit tax-xhur ilu ngħata impjieg ieħor mal-Gvern bħala Kap Eżekuttiv tal-kumpanija ARMS, qed jitħallas minn tal-inqas €93,000 fis-sena.

Dan jirriżulta wara li dan l-istazzjon għamel talba skont il-liġi għal-Libertà tal-Informazzjoni.

Skont din it-talba, jidher li George Azzopardi se jkollu paga bażika ta’ €55,000 li tiżdied b’elf ewro kull sena. Barra minn hekk, se jkun qed jingħata wkoll €2,000 kull sena għall-komunikazzjoni, u €10,000 oħra għal spejjeż oħra.

Mhux hekk biss…. però George Azzopardi se jkun qed jingħata wkoll 20% tal-paga bażika għal performace tiegħu u 20% oħra tal-paga bażika għal proġetti; li jammontaw għal €22,000 oħra.

Lil hinn minn dan kollu, hu għandu l-għażla li jew jingħata karozza bl-ispejjeż tagħha inklużi jew €4,658 kull sena.

U allura bħala total… dan l-Eks CEO tal-Partit Laburista se jkun qed jingħata €93,658 fl-ewwel sena tal-impjieg tiegħu – paga li tibqa’ tiżdied b’€1,000 kull sena li għalhekk taf tqarreb il-€100,000.