Mara spiċċat tgħajjar lill-Pulizija “injoranti” meta s-sieħeb tagħha ġie arrestat mill-Pulizija fuq rapport li għamlet kontrih hija stess. Ir-raġel ta’ 26 minn Ħal Qormi, tressaq il-Qorti wara li s-sieħba tiegħu rrapurtatu li kiser ordni ta’ protezzjoni meta baqa’ jgħix magħha.
Meta l-Pulizija arrestaw lir-raġel, il-mara kienet preżenti u spiċċat tgħajjar lill-Pulizija għaliex skont hi riedet biss tkeċċi lir-raġel minn darha u mhux li jispiċċa arrestat. Il-Pulizija tat-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika, ġew infurmati mill-mara li r-raġel mhux jobdi l-kundizzjonijiet tal-Qorti f’kawża pendenti li għandhom fil-konfront ta’ xulxin.
Il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u ordnat lir-raġel ma jibqax joqgħod mal-mara. Il-mara qalet ukoll li ma ħaditlux iċ-ċavetta ta’ darha għax beżgħet li jispiċċa jkisser kullimkien. Beżgħet ukoll li jqabdilha ħwejjiġha u jarmihom barra. Qalet ukoll li jispiċċa wkoll jgħajjar lil binha bl-orjentazzjoni sesswali tiegħu.
“Meta morna biex narrestawh, preżenti miegħu kien hemm il-vittma u tgħidx kemm għajritna injoranti,” qal fil-Qorti l-Ispettur Christian Cauchi. Kompla jgħid li l-mara pretendiet li ma jiġix investigat ir-rapport tagħha iżda li jitkeċċa ‘l barra minn darha biss. Huwa informa lill-Qorti li l-Pulizija kienet se tkun qed tieħu passi kontra l-mara fil-jiem li ġejjin.
Għall-akkużi miġjuba kontrih, ir-raġel wieġeb mhux ħati filwaqt li l-avukat tal-vittma informa lill-Qorti li l-mara trid taħfer lill-akkużat. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ordnat li l-każ ikompli minħabba li kiser ordnijiet tal-Qorti li huwa reat fih innifsu.
Għaldaqstant, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-akkużat mhux affidabbli u l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi. Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja u qalet li m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li jekk jingħata dan il-benefiċċju huwa ser josserva l-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi waqt li għall-mara deher l-Avukat Mark Mifsud Cutajar.
//= $special ?>