Lokali Qorti

Raġel ta’ 72 sena akkużat li pprova joqtol ġar ta’ 70 sena f’San Pawl il-Baħar

Argument vjolenti bejn erba’ anzjani residenti fi blokk ta’ appartamenti f’San Pawl il-Baħar, nhar il-Ħamis wassal biex wieħed minnhom weġġa’ gravi u ieħor jinżamm arrestat talli allegatament ipprova joqtlu.

John Oliver Kane, Ingliż ta’ 72 sena, ġie arrestat fuq l-inċident irrappurtat fi Triq it-Tartarun għall-ħabta tal-10.30am. Tard il-Ġimgħa l-Qorti semgħet kif inqala’ argument jaħraq bejn xi ġirien fil-blokk u wieħed minnhom Ingliż ta’ 70 sena, sofra ġrieħi gravi.

L-allegat vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza wara li rċieva l-assistenza medika fuq il-post. Intant, is-suspettat aggressur u żewġt irġiel oħra – anzjan ieħor ta’ nazzjonalità Ingliża ta’ 85 sena u raġel Malti ta’ 72 sena ġew arrestati wkoll.

L-investigazzjonijiet kriminali bdew fl-ambitu ta’ inkjesta maġisterjali. Il-prosekuturi ppreżentaw akkużi kontra Kane bħala s-suspettat li allegatament ipprova joqtol lill-vittma, u kkawżalu ferita gravi. Il-ferita kienet ikkawżata minn arma jew strument bil-ponta u li taqta”.

Kane wieġeb mhux ħati. Jirriżulta li l-imputat kien qed joħroġ għall-kolazzjon mal-anzjan ta’ 85 sena u r-raġel l-ieħor ta’ 72 sena meta nqalgħet il-ġlieda mal-allegat vittma fil-partijiet komuni tal-blokka tal-appartamenti.

L-avukati difensuri ma talbux il-libertà proviżorja f’dan l-isadju tal-Qorti. Madankollu, talbu lill-Qorti biex taħtar espert mediko-legali biex jeżamina l-ġrieħi viżibbli tal-akkużat. Talbu wkoll lill-Qorti biex tordna lill-prosekuzzjoni biex tipproduċi x-xhieda ċivili kollha fl-ewwel seduta ladarba l-każ jiġi assenjat għas-smigħ.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Gatt, laqgħet iż-żewġ talbiet. L-avukat tal-AĠ Kaylie Bonett flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Italo Mizzi mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Joe Giglio, David Bonello u Mattea Giglio kienu l-avukati difensuri.