Lokali

Tittella’ fiera dwar impjiegi fil-qasam tas-saħħa

Il-People Management Division fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità attiva tella’ fiera b’rabta ma’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa fil-Kulleġġ ta’ San Benedittu, f’Ħal Kirkop, fejn wieħed seta’ jara u josserva numru ta’ esebizzjonijiet b’rabta ma’ numru ta’ karrieri li dan is-settur jista’ joffri – minn tobba sa infierma, dentisti u ħafna oħrajn.

Net News kien preżenti għal din l-attività fejn tkellimna mad-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani, Maureen Mahoney, fejn spjegat l-għan ta’ din il-fiera u wasslet l-appell tagħha għall-futur ta’ dan is-settur.

Dan l-istazzjon tkellem ukoll ma’ professjonisti oħra, fosthom Marija Xerri li hija infiermiera fl-emerġenza, u Jeffrey Camilleri, li jaħdem bħala assistent tal-kirurġija dentali, fejn spjegaw l-importanza tal-professjoni tagħhom.

Matul din il-fiera kien hemm bosta studenti preżenti li qegħdin jaspiraw sabiex jidħlu f’din id-dinja tax-xogħol.

Wieħed mill-istudenti preżenti, Nathan Zahra Piscopo li tkellem magħna, qal kif hu l-ewwel raġel li qed jistudja biex ikun qabla. B’dan l-istudent mistenni jkun l-ewwel raġel li se jkun qed jiggradwa u jaħdem f’dan ir-rwol.

Din il-fiera tat l-opportunità li wieħed jesplora għażliet ta’ karriera fil-kura tas-saħħa, jiltaqa’ ma’ professjonisti, u jikseb informazzjoni sabiex isawwar il-futur tiegħu.