Fil-partita ta’ tmiem il-ġimgħa Arsenal u Chelsea temmew fi draw ta’ 1-1 fi Stamford Bridge. Arsenal kienu qed ifittxu risposta wara tliet riżultati negattivi għalihom, fejn min-naħa l-oħra Chelsea jinsabu għaddejin minn vena tajba bit-tim immexxi minn Enzo Maresca jibda juri l-potenzjal tiegħu. Għal Arsenal irritorna wkoll il-captain Martin Odegaard, pedina importanti li ħassewh fl-aħħar partiti fejn kien assenti. Arsenal bdew jiddominaw l-ewwel azzjonijiet tal-partiti b’Chelsea jkunu perikolużi b’daqqa ta’ ras ta’ Malo Gusto, li għaddiet għoli mil-lasti ta’ David Raya. Min-naħa l-oħra Arsenal kellhom gowl ta’ Kai Havertz imħassar mil-VAR għall-pożizzjoni ta’ offside. Intant kienu Arsenal li fetħu l-iskor fis-60 minuta meta minn pass insidjuż ta’ Martin Odegaard, kien Gabriel Martinelli li b’xutt fuq l-ewwel lasta għeleb lil Sanchez għal 1-0. Għaxar minuti wara reazzjoni immedjata minn Chelsea meta Caicedo għadda lejn Pedro Neto li b’xutt minn barra l-kaxxa fil-baxx għeleb lil David Raya għal gowl tad-draw, riżutlat ġust f’partita bilanċjata.
Fl-ewwel partita tal-ġurnata rebħa komda għal Manchester United fuq Leicester bl-iskor ta’ 3-0, liema rebħa fissret ukoll it-tmiem ta’ Ruud Van Nistelroy fit-tmexxija tal-club, hekk kif il-kowċ ta’ Sporting Ruben Amorim se jkun qed jieħu f’idu t-tmexxija wara l-waqfa internazzjonali. Man Utd fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta Amad Diallo għadda lejn Bruno Fernandes li b’xutt bid-dawra fl-anglu tax-xibka għeleb lil goalkepeer ta’ Leicester għal 1-0. Fit-38 minuta ir-Red Devils irduppjaw meta minn cross mix-xellug kien Bruno Fernandes li mar biex jixħet il-ballun fix-xibka bir-ras, bit-tentattiv tiegħu ikun devjat fix-xibka tiegħu stess minn Victor Kristiansen. Bil-partita tista’ tgħid magħluqa, kien Alejandro Garnacho li b’xutt mill-isbaħ skorja t-tielet gowl.
Fit-Tottenham Hostpur Stadium tasal ukoll l-ewwel rebħa għal Ispwich sa mill-promozzjoni tagħhom fil-Premier League bl-iskor ta’ 2-1 fuq Tottenham. Ipswich marru żewġ gowls vantaġġ permezz ta’ Sammie Szmodics u Liam Delap. Tottenham naqqsu d-distakk fit-tieni taqsima b’gowl ta’ Rodrigo Bentancur li madanakollu ma kienx biżżejjed biex jiksbu d-draw.
Tiġi fi tmiemha wkoll il-vena pożittiva ta’ Nottingham Forest meta kienu megħluba min-Newcastle bl-iskor ta’ 3-1. Kienu Forest li marru fil-vantaġġ meta kien Anthony Elanga li għadda lejn Murillo li tefa’ fix-xibka għal 1-0. Newcastle kisbu d-draw minn Alexander Isak fl-54 minuta, Joeliton jitfagħhom fil-vantaġġ fit-72 minuta. Harvey Barnes issiġilla r-rebħa b’gowl fit-83 mintua għal skor finali ta’ 3-1.
Riżultati
Is-Sibt: Brentford v Bournemouth 3-2, C’Palace v Fulham 0-2, West Ham v Everton 0-0, Wolves v S’Hampton 2-0, Brighton v Man City 2-1, Liverpool v Aston Villa 2-0
Illum: Man Utd v Leicester 3-0, Nott Forest v Newcastle 1-3, Spurs v Ipswich 1-2, Chelsea v Arsenal 1-1