Lokali

“Ejja nieqfu bil-mantra li jekk għandek il-flus għandek kollox” – Il-Professur Andrew Azzopardi

“Ejja nieqfu bil-mantra li jekk għandek il-flus għandek kollox.”

Kien dan kliem il-Professur Andrew Azzopardi fid-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn spjega li l-komunità Maltija li ma tridx flus, imma kuntentizza u anke ferħ.

Bil-Professur Azzopardi spjega li l-poplu jrid komunità li toħloq pajjiż fejn wieħed jista’ jikber, fejn il-ħaddiem mhux skjavitu modern, fejn it-tmexxija mhux biss moħħha fl-ekonomija, imma moħħha fil-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan għaliex komunitajiet b’saħħithom huma dawk li jżommu l-ġustizzja soċjali viċin tagħhom.

Fid-diskors tiegħu huwa spjega li jekk il-kejl se jkun biss l-ekonomija, mela t-tmexxija tista’ tkun biss f’idejn dawk mimlijin tilja flus, fejn għamel referenza għall-mudell ekonomiku li nawwar fil-poplu ġenn kbir biex jiġbed dak li jista’.

Huwa spjega wkoll li minkejja li verament qed naraw pajjiż miexi ‘l quddiem, qed naraw poplu li huwa mdejjaq, rati ta’ suwiċidju li dejjem jogħlew, problemi ta’ saħħa mentali li qed ukoll jinħassu fost it-tfal.

B’aktar minn 100,000 ruħ li qegħdin f’riskju ta’ faqar, nies li qed jersqu viċin is-soup kitchens.

Il-Professur Azzopardi qasam ukoll numru ta’ esperjenzi li ltaqa’ magħhom matul ix-xogħol tiegħu, fejn kollha qasmu d-diffikultajiet miegħu – persuni, żgħażagħ li suppost mimlijin ħolm u determinazzjoni għall-futur, mimljin dieqa jgħixu f’soċjetà li qed iġġegħelhom ikunu indipendenti u waħedhom.

Huwa proprju ħabba dan kollu li għandna nieqfu bil-mantra li jekk għandek il-flus għandek kollox. Irridu soċjetà li tkabbar u toħloq opportunitajiet, irridu klassi politika li m’għandhiex shelf-life qasira, politika fejn dak li għandu bżonn isir, isir anke jekk jintilfu l-voti.

Bil-Professur jappella lill-poplu sabiex ma jibżax ikun kontroverjsali u ma jibżax jisfidaw l-istatus quo.