“Din hija Malta li rrid ngħix fiha – Malta li tirrikonoxxi l-isfidi li qed naffaċjaw bħala poplu, u flok taqta’ qalbha, taħdem bla waqfien għal Malta aħjar mil-lum u Malta aħjar mill-bieraħ.”
Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino matul it-tielet sessjoni tal-Kunsill Ġenerali hekk kif insista li l-Partit Nazzjonalista għandu ruħ soċjali li tħabbat għal kull min hu fil-bżonn.
Fir-riflessjonijiet li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li mal-Partit Nazzjonalista tista’ taħdem anke jekk ma tħaddanx l-istess twemmin, dan filwaqt li bħala partit, ser naħdmu għal tmexxija trasparenti – Gvern li jkun onest l-ewwel u qabel kollox maċ-ċittadini tiegħu, u mhux Gvern popolist.
“Studju wara l-ieħor wera li l-poplu mhuwiex kuntent bid-direzzjoni li sejjer dan il-pajjiż. U għalhekk, pajjiżna għandu bżonn bidla radikali. Għaldaqstant, b’kuraġġ u b’tamà ser naħdmu sabiex indawru ħidmietna f’riżultati konkreti.” Ejjew flimkien inkunu l-awturi ta’ Malta ġdida li tant nixtiequ,” qal Michael Piccinino.
It-tielet sessjoni plenarja tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ġiet indirizzata wkoll mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut, fejn insista li jekk hawn partit politiku f’Malta li dejjem żamm dan il-pajjiż żagħżugħ, dan kien ħadd ħlief il-Partit Nazzjonalista.
Mark Anthony Sammut fakkar f’episodji storiċi tal-istorja politika ta’ pajjiżna, u insista li l-Partit Nazzjonalista, kien il-Partit politiku f’Malta li wettaq bidliet kbar u għadna ngwadu minn dawn il-bidliet sal-lum.
“Meta Malta ħolmot li tista’ tkun indipendenti, kien il-Partit Nazzjonalista li emmen f’din il-ħolma u wettaqha. Meta Malta ħolmot li nistgħu ngħixu f’demokrazija tassew, kien il-Partit Nazzjonalista li ħadem fuq din il-ħolma u wettaqha. Meta Malta ħolmot li tpoġġi ma’ pajjiżi kbar u tikkollabora, kien il-Partit Nazzjonalista li wettaqha. Kull ħolma u bidla kbira li saret f’pajjiżna, kien ħadd ħlief il-Partit Nazzjonalista li wettaqha.”
Mark Anthony Sammut qal li llum Il-Partit Nazzjonalista reġa’ qed joħlom li nwelldu Malta ġdida, Malta żaġħżugħa, ħielsa mill-ħakma qarriera tal-Labour mifnija minn qtigħ il-qalb, mill-korruzzjoni u medjokrità.
“Wasal iż-żmien li neqilbu l-paġna u se jkun gvern ġdid Nazzjonalista li se jerġa’ jikteb paġna ġdida għal pajjiżna.”
//= $special ?>