Lokali

“Ejjew nibnu Malta li tħares ‘il quddiem b’kuraġġ” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lil kelliema kollha li kellhom il-kuraġġ jitkellmu u jgħidu dak li jħossu.

Bernard Grech sostna li Malta jaraha bħala żagħżugħa li għandha d-determinazzjoni li tasal u bil-għaqal tagħżel dak li jista’ jħalli l-frott.

Huwa qal li pajjiżna qed jiġi mmexxi minn Gvern li tilef id-diċenza politika, Gvern li qata’ qalbu minn kif ser jissolvu l-problemi li ħoloq l-istess Gvern.

Pajjiżna b’hekk għandu bżonn bidla reali li jaħdem għal dawk kollha li jemmnu fil-ġid komuni – Gvern li jaħdem dwar kif ser ngħollu l-kwalità tal-ħajja

Hu sostna li l-missjoni tal-Partit Nazzjonalista hi dik li jtejjeb il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Bernard Grech tkellem dwar il-problemi tal-popolazzjoni, bi traffiku ta’ kuljum u infrasturttura li mhux qed tlaħħaq. Hu sostna li l-Gvern tal-Labour ħoloq mudell ekonomiku li qed ikun ir-raġuni għal din il-qerda ambjentali li pajjiżna għaddej minnha, b’mudell ekonomiku li qed jifga liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin b’riżultat li qed jispiċċaw jitilqu minn pajjiżhom stess.

Grech sostna li Malta taħt Gvern Nazzjonalista ser tinvesti f’niesha.

Huwa sostna li sabiex pajjiżna jieħu r-ruħ hemm bżonn verament governanza tajba li mhux tiġi attwata bl-islogans imma bl-eżempji.

Huwa fakkar kif €70,000 huma flus kbar ikkumparati ma’ pagi li jaqalgħu bosta ħaddiema li jbatu ta’ kuljum, filwaqt li għal Labour, jekk int tkun tal-qalba jkun ħaqqek ferm iktar paga minn għalliema, nurses, pulizija u x-xogħlijiet kollha li jagħtu servizz lil poplu kollu.

Bernard Grech tkellem dwar il-fatt li dan il-Gvern ħoloq ambjent ta’ impunità li spiċċa fena lil pajjiżna. Hu insista li r-regoli qegħdin hemm għal kulħadd.

B’hekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li għandna Prim Ministru li iktar moħħu dwar kif ser jiddefendi lil dawk li serqu lil Malta u ffrodaw lil poplu, milli sabiex jirranġa s-sitwazzjoni preżenti.

Huwa sostna li ‘Malta Żagħżugħa’ hija garanzija għal futur, b’mudell ta’ ekonomija ġdida ta’ valur miżjud. B’impjiegi li jħallsu u li fihom valur. Malta Żagħżugħa temmen li kull persuna jkollu aċċess għal kura tas-saħħa kif jixraq. Sistema edukattiva orjentata għal ġejjieni. Turiżmu li jippromovi l-kultura u n-natura ta’ pajjiżna li jkun mifrux fuq is-sena kollha. Malta Żagħżugħa fejn kulħadd iħossu sigur, bil-liġi u l-ordni rispettati. Dan apparti li l-ambjent għandu jkun fuq nett tal-aġenda politika – anke bil-wegħedha li l-ambjent jiġi kwalifikat bħala dritt fundamentali tal-bniedem fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

Benrard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu resposabbiltà biex jibni Malta aħjar.