“L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex it-tfal tagħna jiffurmaw ruħhom.”
Kliem il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt iż-żjara li għamel fil-Fiera tal-Kotba f’Ta’ Qali, fejn spjega li l-ktieb huwa l-pedament tal-edukazzjoni.
Fil-kummenti tiegħu wara li żar din il-fiera fejn kien hemm preżenza qawwija ta’ edukaturi u anke tfal, il-Kap tal-PN tenna l-importanza li ninvestu fl-edukaturi tagħna li jqattgħu ħafna u ħafna ħin mal-istudenti fl-iskejjel tagħna.
Intant, huwa spjega wkoll li l-edukazzjoni mhix sempliċiment l-għodda li twassal lit-tfal u ż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol imma li tagħti l-opportunità li jsiru sħaħ anke minn aspett artistiku.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat minn AnneMarie Grech, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, ix-Shadow Ministers Justin Schembri, Charles Azzopardi u Bernice Bonello, flimkien mad-Direttur tal-Librerija Informa James Aaron Ellul.
//= $special ?>