Lokali

“Il-politika għandha s-soluzzjonijiet għal pajjiżna” – Marisa Xuereb

“Hawn ħafna kliem sabiħ għaddej fosthom; viżjoni 2050, mudell ekonomiku alternattiv. Iżda kif se jsir dan għadu fl-arja”.

Kliem l-Eks President tal-Malta Chamber of Commerce Marisa Xuereb, li spjegat li bħalissa l-poplu qed jisma’ ħafna kliem sabiħ fosthom viżjoni 2050, mudell ekonomiku alternattiv fost ħafna oħrajn.

Iżda minkejja dawn il-kliem, l-azzjonijiet li hemm bżonn, u kif se jiġu implimentati dawn il-viżjonijiet għadu fl-arja.

Kien għalhekk li spjegat li hawn bżonn ta’ imput serju mill-esperti dwar din il-viżjoni ta’ 2050; il-klima, id-demografija, it-tekonoloġija, il-popolazzjoni, x’gaps se jkollna fi 2050 u kif se jimtlew b’mod sostenibbli.

Marisa Xuereb ibbażżat id-diskors tagħha fuq il-geopolitika, l-attitudni tan-nies, il-klima u t-teknoloġija fost oħrajn.

Fid-diskors tagħha appellat lill-Gvern sabiex ipoggġi jiddiskuti mal-istakeholders kollha fosthom l-Oppożizzjoni u l-imsieħba soċjali, dan għaliex jaf il-Gvern għandu informazzjoni li m’għandux kulħadd.

Xuereb spjegat li huwa importanti immens li wieħed jara li l-poplu jkun edukat kontinwament biex kull min qed f’impjieg ikollu l-opportunità li jtejjeb il-kapaċitajiet tiegħu u jkompli jevolvi.

Hija wkoll esprimiet l-inkwiet tagħha fuq kif pajjiżna jidher ‘il barra minn xtutna fosthom dwar l-integrità u l-governanza t-tajba. U kien għalhekk li appellat lill-mexxeja tagħna sabiex kull deċiżjoni li tittieħed tkun bil-ħsieb tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

L-Eks President tal-Malta Chamber of Commerce spjegat ukoll li l-politiċi għandhom ikunu ċari fid-diskors tagħhom, biex ma jibżgħux jieħdu deċiżjonijiet iebsin li forsi ma jkunux popolari. Iżda deċiżjonijiet li se jiswew ta’ ġid għall-futur tal-pajjiż Malti.

Marisa Xuereb spjegat ukoll li jekk irridu poplu li ma jeħux deċiżjonijiet short-term, fosthom dwar it-tibdil fil-klima; trid issir edukazzjoni kontinwa.

Finalment hija appellat lill-mexxejja sabiex jistudjaw fejn se jkun pajjiżna fl-2050, u jimxu u jinbidlu skont il-ħtiġijiet tal-pajjiż.