Lokali

“In-nies qed jersqu lejna u jgħidulna biex inkunu l-leħen tagħhom” – George Vital Zammit

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-espressjoni tal-bidla – flimkien għandna s-saħħa nagħmlu dan.”

Sostna dan l-akkademiku u lettur fl-Università ta’ Malta, George Vital Zammit, li fl-aħħar jiem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar li se jkun inkarigat mit-tfassil tal-Manifest Elettorali tal-PN.

Huwa saħaq li r-rispons qawwi li kellna imliena bil-kuraġġ wara li l-PN ħabbar li qed jixpruna konsultazzjoni pubblika b’viżjoni lejn pajjiżna hekk kif mijiet diġà avviċinawh.

George Vital Zammit saħaq li qed jara moviment mimli b’passjoni kbira – imħabba kbira lejn pajjiżna, b’interess ġenwin lejn Malta u Għawdex.

Huwa saħaq li pajjiżna m’għandux ikun biss fejn taqla’ lira imma li tieħu pjaċir tgħix fih.

Dan filwaqt li spjega li l-islogan’ ‘Malta Żagħżugħa’ huwa mod ta’ ħsieb, inħarsu ‘l quddiem u kif nixtiequ naraw lil pajjiżna – nittamaw li għada aħjar mil-lum.

U insista li dan, il-familji Maltin u Għawdxin qed jagħrfuh hekk kif saħaq li “n-nies qed iduru lejna u jgħidulna kunu l-leħen tagħna.”

George Vital Zammit insista li l-Partit Nazzjonalista huwa l-leħen ta’ kulħadd u din il-ħidma li għaddejja preżentament biex verament kulħadd ikollu leħen fid-dar naturali tiegħu.

Huwa talab sabiex flimkien bħala poplu wieħed inrabbu kuraġġ għaliex nistgħu nagħmlu differenza kbira.

Finalment saħaq li bosta qed jgħiduli li ma jħossuhomx liberi u komdi jitkellmu f’dan il-pajjiż; ħaddiema fis-servizz pubbliku għax jibżgħu mill-konsegwenzi u insista li dan mhux aċċettabbli.

Huwa sostna li għandna sfidi u problemi quddiemna iżda dawn se jissarrfu f’opportunitajiet u għalhekk sejjaħ lil kulħadd biex ikun parteċipi f’dan il-proċess, u nieħdu deċiżjoni li aħna nistgħu nagħmlu differenza.

George Vital Zammit insista li l-istat, il-politika, l-istituzzjonijiet u l-ħaddiema jridu d-dinjità lura – “daqshekk buzzwords u gimmicks – irridu l-genwità u l-onestà u t-tkattir ta’ ekonomija ta’ kwalità.”

Huwa temm jgħid li l-politika hija servizz u ħeġġeġ lil dawk kollha li qatgħu qalbhom minnha, sabiex jersqu qrib il-PN u jrabbu kuraġġ.