Lokali

“Spiċċajna b’pajjiż mifni bil-korruzzjoni” – Paul Bonello

“Spiċċajna b’pajjiż mifni bil-korruzzjoni”.

Kienet din id-dikjarazzjoni b’saħħitha li għamel l-osservatur politiku Paul Bonello li spjega li wara l-2013 sar it-tradiment ta’ eluf ta’ votanti, li ħolmu li qed jivvutaw għall-partit li kellu jkun Partit Laburista fil-Gvern viċin il-poplu, bl-għajta għall-meritokrazija, li jagħmlu s-sewwa anke jekk ma jkunx popolari flimkien mal-għajta tal-governanza t-tajba.

Iżda minflok, bdiet ġirja bla waqfien biex wieħed jieħu aktar milli ħaqqu, fis-settur tas-saħħa, l-għoti tad-direct contracts fost l-oħrajn.

U huwa għalhekk li spiċċajna pajjiż mifni fil-korruzzjoni filwaqt li l-Gvern baqa’ fi tkabbir artifiċjali tal-gross domestic product tal-pajjiż.

Il-kelliem għamel referenza għad-diversi skandli li ħakmu lill-pajjiżna taħt tmexxija Laburista; fosthom l-iskandlu riċenti b’rabta mal-impjieg ta’ Amanda Muscat u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa tenna li l-Labour tal-lum ma jirrappreżentax lill-Partit Laburista tal-bieraħ, Partit Laburista li fih kienu jappartjenu nies bħal Ellul Mercer.

Intant, l-osservatur politiku spjega li Gvern Laburista jgħid li fehem l-overpopulation imma l-budget kien mimli b’żieda eċċessiva, jgħid li jrid turiżmu ta’ kwalità iżda jimporta eluf ta’ persuni.

Kien fid-dawl ta’ dan kollu li Paul Bonello għamel appell ċar; irridu Gvern li jippjana edukazzjoni u servizzi tas-saħħa li jagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ tagħna, Gvern li jkun trasparenti għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.