Internazzjonali

Iżrael: Jiżdiedu l-vittmi ċivili tal-attakki fuq Gaza u l-Libanu

Karozzi li kienu maqbuda fit-traffiku fil-waqt tal-isplużjoni

Mietu għexieren oħra ta’ nies fost l-attakki tal-militar Iżraeljan fuq it-Tramuntana tal-Libanu u l-Medda ta’ Gaza. Mifhum ukoll li hemm numru ta’ tfal fost il-vittmi tal-azzjonijiet rispettivi.

Il-Ministeru tas-Saħħa Lebaniż sostna li madwar 30 persuna, fosthom sebat itfal, tilfu ħajjithom f’Almat, viċin ta’ Byblos li jinsab lejn in-naħa ta’ fuq minn Bejrut.

Intant, mietu 30 oħra wara li l-militar Iżraeljan ikkonċentra l-attakki fuq iz-zoni lejn it-Tramuntana ta’ Gaza indikati bħala bażijiet għall-grupp terroristiku Ħamas. Il-maġġoranza tal-vittmi – li wkoll jinkludu t-tfal —  tilfu ħajjithom wara li missila qerdet bini residenzjali fl-inħawi ta’ Jabalia.

Il-qawwiet Iżraeljani qalu huma konċentraw fuq is-siti ta’Jabalia fejn ‘it-terroristi għaddejjin bl-attivitajiet kontra t-truppi ta’ Iżrael’. Huma qalu wkoll li, qabel l-attakki, kienu ttieħdu l-passi biex jimminimizzaw il-possibbiltà tal-vittmi ċivili fl-istess zona.

Sadanittant, l-aħħar rapporti mil-Libanu qalu li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed ifittxu qalb il-fdalijiet tal-bini meqrudin mill-Iżraeljani f’Almat.

Dan meta Iżrael qed jeskala l-kampanja militari kontra l-grupp Lebaniż Ħeżbollah tal-milizji Xiti li qed jingħata l-appoġġ sħiħ mill-Iran fundamentalista, L-Iżraeljani jridu akkost ta’ kollox li jnaqqsu mill-kapaċitajiet tal-milizji biex jibbumbardjaw lill-ibliet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera – u meta, fl-aħħar ġimgħat, ikkonċentraw ħafna mill-attakki fuq l-ibliet madwar il-Libanu.

F’inċident ieħor – din id-darba fl-inħawi ta’ Adloun ( fil-Libanu) — inqatlu talanqas tlett ħaddiema mediċi wara li missila laqtet bini tal-Awtorità tas-Saħħa. L-attakk seħħ bi tweġiba għall-isparatura – mill-Heżbollah – ta’ aktar minn 70 missila lejn l-artijiet ta’ Iżrael.

Mindu eskalat il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħeżbollah, seba’ ġimgħat ilu, inqatlu ‘il fuq minn 3,000 persuna, b’aktar minn 1.2 miljuni jispiċċaw kostretti li jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati madwar il-Libanu.