Lokali

“Jeħtieġ li ninvestu b’mod veru f’pajjiżna” – Il-Professur Alexiei Dingli

“Pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u d-deċiżjonijiet li nieħdu huma kruċjali, għalhekk m’għandniex nibżgħu neħduhom”.

Dan hu dak li ddikjara l-Eks Sindku tal-Belt Valletta u Professur tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta Alexiei Dingli.

Hu spjega li dan huwa l-mument f’pajjiżna li jittieħdu deċiżjonijiet iebsin u m’għandnix nibżgħu neħduhom dawn id-deċiżjonijiet, għaliex wasalna f’punt fejn pajjiżna għandu riżorsi mġebbda.

Huwa tenna li f’dinja li miexja ‘l quddiem b’mod speċjali fit-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali – huwa ta’ inkwiet il-fatt li ma aħniex preparati biżżejjed għal din il-bidla. Dan minħabba l-fatt li l-ħaddiema f’pajjiżna m’għandhomx il-ħiliet sabiex jaħdmu f’impjieg fost din ir-rivoluzzjoni teknoloġika.

Il-Professur Dingli spjega wkoll li bosta negozji qed ibiddlu l-ħaddiema tagħhom u jinkludu l-intelliġenza artifiċjali, b’riżultat li jintilfu l-impjiegi u huwa proprju għalhekk li l-ħaddiema, in-negozji u l-imprendituri tagħna għandhom ikunu lesti għal din il-bidla.

Huwa spjega wkoll li f’pajjiżna hawn problema ta’ skills, fejn qed naraw persuni li huma f’karigi saħansitra maniġerjali mhux imħarrġa biżżejjed, iżda min-naħa l-oħra għandna ħaddiema li huma overqualified u li qegħdin f’xogħlijiet li ma jipprovdux kwalità.

Il-Professur Dingli elenka l-fatt ukoll li l-ħiliet diġitali huma għal kulħadd u huwa ta’ diżappunt kbir li l-edukazzjoni mhux qed tiġi aġġornata skont iż-żminijiet.

U huwa ta’ diżappunt kbir li fil-curriculum tal-2027, il-kelma ‘Intelliġenza Artifiċjali’ ma tissemmix darba.

Għalhekk appella, sabiex il-Gvern u l-mexxejja ta’ pajjiżna jibdew jieħdu d-deċiżjonijiet iebsin sabiex din ir-rivoluzzjoni tkun ta’ opporunità għall-pajjiżna sabiex verament nibqgħu mexjin ‘il quddiem.