Folol kbar ta’ nies fi Spanja ħarġu jipprotestaw kontra l-mod kif l-awtoritajiet lokali u l-Gvern Soċjalista tal-Prim Ministru Pedro Sanchez irreaġew għall- għargħar riċenti diżastruż li sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn 200 persuna….Dan meta għadha kbira r-rabja tan-nies għall-mod kif l-awtoritjiet wieġbu għall-kriżi tat-temp u r-riperkussjonijiet tagħha fl-aħħar jiem.
L-għajta kbira fost il-folol fil-belt ta’ Valencia kienet għar-riżenja ta’ Carlos Mazón minn Kap reġjonali – b’talanqas 130,000 joħorġu fit-toroq fost l-għajjat li ‘il-Gvern u l-awtoritajiet għandhom idejhom imċappsin bid-demm tan-nies li suppost li kienu protetti minn dawn id-diżastri.’
Għadhom jinħassu r-riperkussjonijiet tax- xita storika li niżlet jiem ilu fi Spanja – u b’mod partikulari fir-reġjun ta’ Valencia u l-provinċji tal-madwar – u meta talanqas 100 persuna ilhom irrappurtati nieqsa minn dak iż-żmien.
Ir-rabja tal-poplu ilha tbaqbaq għal jiem, fost l-akkużi li l-awtoritajiet lokali kienu ħarġu tard wisq bit-twissijiet dwar il-periklu kbir għall-ħajja dovut għas-sitwazzjoni….Sitwazzjoni li fiha niżlet l-ekwivalenti ta’ kważi sena xita fi spazju ta’ ftit sigħat.
Fi tmiem il-ġimgħa, kien hemm numru ta’ inċidenti vjolenti bejn dimostranti u pulizija u meta t-tensjoni kienet l-aktar akuta quddiem il-bini tal-Kunsill Lokali f’Valencia.
Is-Sindku ta’ Valencia, María José Catalá, wara, iċċirkulat filmat dwar l-inċidenti fost il-messaġġ li l-vandaliżmu ma jipprovdi l-ebda soluzzjoni.
Iżda d-dimostranti u l-organizzaturi tal-protesti insistew li jridu juru l-għadab tagħhom dwar il- crisis management fqir u traskurat min-naħa tal-awtoritajiet u li kien element importanti biex id-diżastru jaffettwa lil daqstant residenti.
Mistenni li l-poplu ta’ Valencia u tal-provinċji affettwati mill-għargħar ikompli jwettqu l-pressjoni fuq l-awtoritajiet lokali u l-Gvern Soċjalista ta’ Sanchez.
Dan wara li, ftit aktar minn ġimgħa ilu, ir-Re Felipe u r-Reġina Letizia ta’ Spanja spiċċaw mira għat-tfigħ tat-tajn mill-pubbliku li nġabar madwarhom meta huma żaru l-inħawi ta’ Paiporta – waħda mill-bliet l-agħar affettwati mill-għargħar.
Kienu anki ntefgħu l-oġġetti lejn il-Prim Ministru Sanchez li wkoll kien żar iz-zona tad-diżastru u li ttieħed ‘il hinn malajr mill-membri tas-sigurtà ta’ madwaru.
Eluf ta’ nies tilfu djarhom b’kaġun tal-għargħar ta’ Ottubru u meta ħafna toroq għadhom sallum widien tat- tajn u d-debris. Min-naħa tiegħu, Carlos Mazón qed jipprova jiddefendi l-azzjonijiet tiegħu fost l-istqarrijiet li ħadd ma seta’ ibassar l-iskala tad-diżastru minn qabel.
Madankollu, Mazón u kritika ħafna l-fatt li l-uffiċjali fir-reġjun ta’ Valencia – fis-sigħat ta’ qabel it-traġedja — ma ngħatawx it-twissijiet li kienu jeħtieġu mill-Gvern ċentrali ta’ Sanchez…Twissijiet li setgħu għamlu d-differenza kollha bejn il-ħajja u l-mewt.
Il-Gvernijiet reġjonali fi Spanja huma responsabbli għall-miżuri li għandhom jittieħdu qabel u wara dawn it-tipi ta’ diżastri u meta għandhom ukoll id-dritt li jitolbu r-riżorsi addizzjonali mingħand il-Gvern ċentrali ta’ Madrid.
//= $special ?>