Internazzjonali

Stati Uniti: Is-suċċess f’Arizona hu wkoll wieħed storiku għal Donald Trump

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, rebaħ anki fl-Istat ta’ Arizona  biex b’hekk – għall-ewwel darba – rebaħ is-seba’ Swing States fil-vot nazzjonali ta’ jiem ilu li rritornat Gvern immexxi mill-Partit Repubblikan wara erba’ snin ta’ amministrazzjoni mill-President Demokratiku, Joe Biden.

Il-vot f’Arizona, sadanittant, kompla jżid l-umiljazzjoni għal Biden u l-kandidat Demokratiku għall-Presidenza, Kamala Harris, li l-partit tagħhom, qabel, kien tilef ukoll fis-Swing States ta’ North Carolina, Georgia, Wisconsin, Nevada, Michigan u Pennsylvania.

Wara l-għadd tal-voti f’Arizona li dam għal erbat ijiem, kien ikkonfermat li Donald Trump kiseb 312 voti mill-Electoral College tal-Istat kontra l-226 voti għal Harris.

Intant, wieħed jista’ jgħid ukoll li l-Presidenza ta’ Trump kienet diġà konfermata wara li hu kien rebaħ l-ewwel tlett Swing States f’nofs il-ġimgħa u fejn fetaħ vantaġġ insuperabbli għad-Demokratiċi.

Dan meta l-Partit Demokratiku, fil-preżent, qed janalizza waħda mill-akbar telfiet elettorali fl-istorja tiegħu u meta s-swaba tal-partitarji qed jippuntaw lejn il-President Biden u l-kampanja ta’ Kamala Harris li naqset bil-kbir milli tipperswadi lill-elettorat.

L-analiżi qed titratta fuq kollox ir-raġuni għalfejn  l-Ispaniċi, l-Amerikani suwed u l-membri tal-komunitajiet etniċi oħrajn fl-Istati Uniti, fil-parti kbira, afdaw lil Trump bil-vot wara  snin ta’ appoġġ lid-Demokratiċi waqt l-elezzjonijiet preċedenti.

Rebħa li żżid fis-sinifikat

Huwa pjuttost faċli biex wieħed – waqt elezzjonijiet bħal dawn – ibassar kif se tmur il-votazzjoni fil-maġġoranza tal-Istati Amerikani. Dan meta hu kważi ċert li l-elettorat fi Stati bħal Kalifornja se jivvutaw dejjem lid-Demokratiċi, bir-Repubblikani jkunu dejjem konvinti mir-rebħa fi Stati bħal Texas.

Madankollu, żgur li mhux faċli biex wieħed ibassar ir-riżultat fis-seba’ Swing States imsemmija u li dejjem huma determinanti għal liema kandidat jirbaħ id-dritt li jmexxi pajjiżu għal erba’snin.

B’hekk, il-‘clean sweep’ ta’ Trump fis-seba’ Stati importanti jkompli jikber fis-sinifikat u wara li r-Repubblikani rebħu wkoll l-elezzjoni għas-Senat Amerikan. U dan il-partit jonqsu jirbaħ biss sitt siġġijiet oħra biex anki jaċċerta mill-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti …Sitwazzjoni li għandha tfisser mandat mill-aktar b’saħħtu għal Trump u r-Repubblikani u li x’aktarx li jsib ftit li xejn tal-intoppi min-naħa tal-Oppożizzjoni.