Lokali

Evarist Bartolo jinsisti li ġabu l-Kabinett qisu ċirku

L-Eks Ministru Laburista Evarist Bartolo qed jattakka mill-ġdid l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela, u ddikjara li mhux jagħmel ġid lill-pajjiż min qed iġib il-Kabinett tal-Ministri qisu ċirku.

Mhux ċar eżatt għal xiex kien qed jirreferi Bartolo fil-post tiegħu, fejn insista li l-Kabinett kollu għandu jġib ruħu b’daqsxejn aktar serjetà. B’diversi analisti jindikaw li l-Eks Ministru tefa’ botta ċara għall-aħħar skandlu li ħakem lill-Gvern ta’ Robert Abela fejn hemm żewġ Ministri li ġew kundannati mill-Kummisarju tal-Istandards minħabba l-job li ngħatat il-mara ta’ Clayton Bartolo mal-Ministeru għal Għawdex.

Mal-post tiegħu fuq Facebook, Evarist Bartolo poġġa’ ritratt ta’ ċirku mimli kummidjanti – allegorija għall-istat li spiċċa fih il-Gvern ta’ Robert Abela.

U waqt li l-Prim Ministru għandu f’ħoġru każ ieħor ta’ serq ta’ eluf minn flus il-poplu, professjonisti fl-industrija tal-films – li taqa’ taħt Clayton Bartolo – għadhom sal-lum ma tħallsux dak li kien dovut lilhom. Tant li esperti fl-industrija bħal Matthew Maggi qed jinsistu li qatt ma raw “gideb, kattiverja u korruzzjoni bħal dak li qed iwettqu dawn in-nies fil-poter”