Supretendent tal-Pulizija li tkeċċa wara li ġie akkużat bi ksur ta’ etika, beda proċeduri legali biex ifittex lill-gvern għad-danni, filwaqt li nnota li Robert Abela “ħeles għal kollox” lill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri meta dawn kisru l-etika.
Maurice Curmi, l-eks uffiċjal tal-pulizija ta’ grad għoli, qed jargumenta li dan huwa każ ta’ “two weights, two measures” li ġew adottati fil-każ tiegħu u li l-involviment taż-żewġ ministri hija forma ta’ diskriminazzjoni kontrih.
Iż-żewġ ministri nstabu ħatja li abbużaw mill-poter tagħhom meta impjegaw lill-mara ta’ Bartolo b’kuntratt ta’ €68,000 fis-sena bħala konsulent, minkejja li hija ma kinitx kwalifikata għar-rwol u kellha biss evidenza li wettqet dmirijiet segretarjali.
Amanda Muscat ingħatat rwol ta’ konsulenza u ġiet trasferita, fil-Ministeru ta’ Camilleri filwaqt li fil-fatt kompliet taħdem bħala segretarja ta’ Bartolo, osserva l-Kummissarju tal-Istandards, l-Eks Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi.
Fi protest ġudizzjarju mressaq kontra l-Prim Ministru, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat, Curmi sostna li x-xogħol fantażma ta’ Muscat kien jgħatti b’mod ċar konfoffa kriminali li tinvolvi misapproprjazzjoni u frodi, kollha “taħt il-barka tal-Prim Ministru”.
Il-Prim Ministru kien konxju ta’ dak ix-xogħol fantażma mħallas mit-taxxi pubbliċi, iżda rreaġixxa għas-sejbiet tal-Kummissarju u qal li apoloġija magħmlula minn Bartolo kienet “biżżejjed”. Ġie applikat kejl differenti għal Curmi.
Curmi kien ingħaqad fil-Korp tal-Pulizija fl-1991 u ħadem triqtu fil-gradi li wassluh għall-pożizzjoni ta’ Supretendent. Iżda f’Ottubru tal-2023 kien sospiż mill-Kummissarju tal-Pulizija fuq allegazzjonijiet ta’ ksur tal-etika, wara li Times of Malta żvelat li kien irriżulta pożittiv għall-kokaina.
Curmi dejjem ċaħad din l-allegazzjoni kriminali. Fil-protest ġudizzjarju tiegħu, Curmi nnota li informazzjoni dwaru kienet ħarġet lill-midja jumejn qabel ma ġie sospiż formalment fit-18 ta’ Ottubru. Ġimagħtejn wara, fit-2 ta’ Novembru, is-Supretendent tal-Pulizija ġie mixli bi ksur ta’ etika tal-pulizija.
Sussegwentement kien tkeċċa fil-25 ta’ Ġunju 2024. It-tkeċċija tiegħu ġiet approvata mill-Prim Ministru. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-Eks Supretendent ippreżenta proċeduri fil-Qorti biex talab reviżjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet u talab revoka tat-tkeċċija li huwa jsostni li hija illegali.
Wara r-reazzjoni tal-Prim Ministru għar-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards, Curmi ħa azzjoni legali addizzjonali dwar id-diskriminazzjoni li jsostni li sofra minn idejn l-awtoritajiet. Huwa qed iżomm kemm lill-Prim Ministru kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija responsabbli għad-danni.
Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni, billi tgħid li “ħadd m’għandu jiġi diskriminat minn xi awtorità pubblika għal kwalunkwe bażi.” Iżda l-Prim Ministru, bħala awtorità pubblika per eċċellenza, “ħeles għal kollox” liż-żewġ ministri tiegħu li, bħala uffiċjali pubbliċi għoljin, kienu mistennija li jmexxu bl-eżempju.
Mhux talli ma keċċihomx jew ordna azzjoni dixxiplinarja kontrihom, iżda saħansitra qal li apoloġija kienet “biżżejjed,” u b’hekk ħafer il-“ksur flagranti tal-etika” kkonfermat mill-Kummissarju tal-Istandards. Min-naħa l-oħra, Curmi jinsisti li ma wettaq l-ebda att kriminali u ma ġiex iġġudikat minn awtorità indipendenti.
Madankollu hu kien fil-mira ta’ azzjoni dixxiplinarja u tkeċċa. Il-Kummissarju tal-Pulizija ħa d-deċiżjoni. Il-Prim Ministru kkonfermaha. L-eks Supretendent tilef ix-xogħol tiegħu kif ukoll il-pensjoni ta’ servizz ta’ 25 sena wara s-servizz “impekkabbli” li ilu jagħmel fil-Korp.
Diskriminazzjoni bħal din “ma setgħetx tkun aktar ċara,” qal Curmi fil-protest tiegħu, u żied li tali trattament weġġgħuh. Għalhekk kien qed jitlob lill-prim ministru u lill-Kap tal-ulizija responsabbli biex ireġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom li jirriżultaw fit-tkeċċija tiegħu, filwaqt li jżommhom responsabbli għad-danni filwaqt li jirriżervaw id-dritt li jieħdu aktar azzjoni ġudizzjarja.
L-Avukati Jason Azzopardi u Mary Rose Micallef iffirmaw il-protest ġudizzjarju mressaq quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili.
//= $special ?>

