Lokali

“Il-Ministri Bartolo u Camilleri għandhom iroddu lura l-flus li nsterqu mill-frodi li wettqu” – Bernard Grech

La huma responsabbli mill-frodi li wettqu, il-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri għandhom jibdew billi jroddu lura l-flus li nsterqu.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta llejla kien intervistat minn Saviour Balzan waqt il-programm Xtra fuq TVM, fejn saret referenza wkoll għall-frodi li wettqu l-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri meta s-sieħba tal-Ministru Bartolo (illum il-mara) ingħatat xogħol fantażma ta’ konsulenza għal paga ta’ kważi €70,000.

Hu fakkar kif, aktar kmieni matul il-jum, Robert Abela qal li dan il-każ ta’ frodi hu magħluq għax hu kien keċċa lil Amanda Muscat. Il-Kap tal-PN staqsa għaliex keċċieha jekk verament kien jemmen li Amanda Muscat kienet qed tagħmel xogħolha, kif qal fl-aħħar jiem. Fil-verità, Robert Abela keċċa lil Amanda Muscat għax kien jaf li kienet qed titħallas ta’ xejn u għalhekk, għandu jieħu azzjoni kontra dawk li kienu qed iħallsuha minn flus il-poplu għalxejn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li post dawk li ppermettew dan is-serq u frodi mhux tenibbli u għandhom jirriżenjaw. Jekk le, Robert Abela għandu l-obbligu li jneħħihom. Iżda Robert Abela hu kompromess għax, kif qal hu stess, hu parti mill-patt imxajtan u allura, ma jistax jieħu azzjoni kontra min kien involut f’dawn il-ħniżrijiet.

Bernard Grech irrefera wkoll għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista qed jattira lejh nies ġodda, li qed iħossuhom komdi jersqu lejh biex jaqsmu l-ideat tagħhom, kif ukoll nies li matul is-snin kienu involuti fil-Partit, iżda li għal xi raġuni, inqatgħu jew kienu twarrbu. B’hekk, il-Partit Nazzjonalista jista’ jibni koalizzjoni mal-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba, li jixtiequ jaraw bidla fil-mod kif qed isiru l-affarijiet. Ma’ dawn hemm ukoll l-imsieħba soċjali, li qed jaqblu ma’ ħafna mill-ideat u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif pajjiżna għandu bżonn bidla fid-direzzjoni li sejjer fiha. Tenna li hu biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jagħti dik id-direzzjoni. Fakkar kemm kien kapaċi jħares fit-tul u ’l quddiem meta beda jindirizza mal-ewwel, appena laħaq Kap tal-Partit, sfidi u problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nies. Fosthom fiż-żieda fil-popolazzjoni, hekk kif fl-ewwel laqgħa li kellu ma’ Robert Abela ftit jiem biss wara li laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien identifikaha u ried jindirizzaha, avolja dak iż-żmien, din l-isfida ma kinitx qed tinħass daqs illum.

Hu kien mistoqsi dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-ekonomija, fejn fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jsemmi l-ħtieġa ta’ investiment f’setturi ekonomiċi ġodda, fosthom bil-ħolqien ta’ fond ta’ €1,000 miljun għal trasformazzjoni ekonomika, li jixpruna u jkattar is-setturi ġodda, filwaqt li jevolvi l-ġenerazzjoni li jmiss tas-setturi eżistenti, bi programm li jiffinanzja nofs l-investiment kapitali ta’ intrapriżi eliġibbli u konformi mal-kriterji ESG (ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba).

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li b’investiment f’setturi ekonomici ġodda li ma jkunux ‘labour intensve’, inkunu nistgħu nindirizzaw l-isfidi li qed iġġib magħha ż-żieda eċċessiva fil-popolazzjoni u b’hekk inkunu nistgħu nassiguraw li l-ekonomija tkompli tikber mingħajr ma tkompli tisplodi l-popolazzjoni. Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas it-taxxa għal dawk li jinvestu biex isaħħu l-kumpaniji tagħhom, tikber l-ekonomija Maltija u jibqgħu aktar flus fl-idejn.