Lokali Transport

In-nuqqas ta’ investiment fit-trasport tal-massa jfisser biss iktar sigħat imwaħħlin fit-traffiku

Għal dawn l-aħħar snin għexna jum wara l-ieħor imwaħħlin fit-traffiku, fejn vjaġġ tipiku ta’ tmien kilometri jispiċċa jeħdolna kważi siegħa – sitwazzjoni li ma jidhirx li se tieħu xi ftit tar-ruħ u dan kollu b’detriment għall-ambjent, il-produttività nazzjonali u l-benessri personali.

Dan kollu quddiem in-nuqqas ta’ investiment fit-trasport pubbliku tal-massa li tant huwa meħtieġ, iżda li l-Gvern Laburista għażel li ma jindirizzax din il-kwistjoni fil-Baġit għall-2025.

F’artiklu ta’ opinjoni fit-Times, il-perit Konrad Xuereb elenka l-punti tant importanti sabiex pajjiżna ma jibqax jara s-sitwazzjoni tat-traffiku li iktar ma jmur iktar qed tiggrava. B’wieħed mill-punti li semma’ kienet il-ħtieġa ta’ viżjoni fit-tul għal sistema ta’ trasport tal-massa li jidher li hija l-uniku mod biex tmexxi lil Malta lejn futur ta’ kwalità f’dan is-settur.

Bħala professjonist f’dan il-qasam, f’dawn l-aħħar sitt snin Xuereb irriċerka l-prattikalità ta’ metro f’Malta filwaqt li saħansitra ppublika din ir-riċerka. Sistemi effettivi tat-trasport tal-massa huma ddisinjati biex iġorru l-akbar numru ta’ passiġġieri tul l-iqsar rotot possibbli. Dawn huma ġeneralment ikkumplimentati minn network ta’ karozzi tal-linja u modi oħra ta’ trasport.

Ir-riċerka tal-perit turi li metro taħt l-art toffri vjaġġi aktar veloċi, irħas u aktar b’saħħithom f’Malta, u b’hekk tnaqqas id-dipendenza fuq il-vetturi privati. Bin-nefqa kapitali ta’ proġett sħiħ ta’ metro b’linja waħda li tgħaqqad l-ibliet ewlenin ta’ Malta tkun ta’ madwar €4 biljun.

Bl-ewwel fażi tikkonsisti f’tul ta’ 25 kilometri u 13-il stazzjoni bejn il-Mellieħa, l-ajruport, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, l-Università u l-Isptar, u l-Belt Valletta, fost lokalitajiet oħra. U t-tieni fażi li tinxtered fuq 10 kilometri oħra biex tinkludi lokalitajiet oħra. U t-tielet fażi tgħaqqad il-Mellieħa ma’ Għawdex.

Bl-iskart li jkun iġġenerat waqt it-tħaffir tal-mini jista’ jiġi użat għal proġetti ta’ reklamazzjoni ta’ art biex tinħoloq xi riżerva naturali, jew anke għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija mir-riħ jew mix-xemx. Kien hawnhekk fejn appella li l-pajjiż m’għandux jibqa’ jinsisti fuq proġetti ta’ twessigħ tat-toroq u flyovers iżda jeħtieġ li jimplimenta din il-viżjoni fit-tul għal metro f’Malta hekk kif dan il-perit iqisu bħala l-uniku mod ‘il quddiem għal futur aktar b’saħħtu, sostenibbli u ta’ kwalità.

Bażikament, dan il-perit għandu idea ċara x’għandu jsir għal din il-metro. U l-Gvern? Wara li nefaq l-eluf ta’ ewro fuq konferenza ta’ tnedija, issa għażel li jinjora għal kollox dan il-ħsieb. U minflok għadu ma sabx soluzzjoni waħda li hi waħda għat-traffiku li qed joħnoq lil pajjiżna.