Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Luxol, Athleta u Depiro jibdew bir-rebħ

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol………..65

Hibernians…………………..63

(9-18)(7-11)(20-15)(19-19)

F’ripetizzjoni tal-finali tas-Shield ta’ ġimgħa ilhu, din id-darba kienu Caffè Moak Luxol li ħarġu rebbieħa kontra Hibernians 65-63 biex bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa fuq wieħed mill-isfidanti ewlenin tagħhom. Luxol minbarra Sarah Pace u Josephine Diaby kienu wkoll mingħajr Sarah Fenech Pace fil-waqt li Hibs kellhom nieqsa lil Maria Bonett. Il-partita kellha tmiem drammatiku fejn kellhu jkun basket fl-aħħar erba’ sekondi li jagħti r-rebħa lic-champions renjanti. Hibs kellhom bidu mill-aqwa meta għamlu run ta’ 12-3 bil-punti minn Steffi De Martino u Makayla Brandon. Wara time-out tal-coach Roderick Vella, Luxol bdew jikupraw id-distakk u għamlu sitt punti konsekuttivi però Hibs għalqu s-sessjoni b’erbgħa oħra għal skor ta’ 18-9 favurhom. Luxol bdew it-tieni taqsima bi break qasir ta’ 6-2 però De Martino kompliet twieġeb għal Hibs biex ħalliethom 22-7 minn fuq. Luxol kellhom żewġ trippli minn Lisa Fenech Pace u Vanya Baldacchino biex għamlu l-iskor indaqs 24-24. Wara basket fuq kull naħa, trippla ta’ De Martino eżatt mal-horn rat lil Hibs jidħlu jistrieħu 29-26 minn fuq.

Fil-bidu tat-tielet taqsima kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat fejn Luxpol kellhom it-trippli tal-Amerikana Brandi Huffhines biex marru 4 minn fuq 40-36. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet bi 8 punti konsekuttivi minn Elena Cassar u Brandon. Kienu Luxol li għamlu l-aħħar sitt punti tal-perjodu biex temmewh basket minn fuq 46-44. Fl-aħħar taqsima kien hemm it-trippli minn Huffhines u Brandon biex Luxol baqgħu fuq quddiem. Punti minn Andie Saliba u De Martino ressqu lil Hibs punt taħt l-avversarji fis-seba’ minuta 57-58. Minn hawn ‘l quddiem it-teamijiet bdew jirrispondu lil xulxin bil-vantaġġ idur fuq kull naħa. Iż-żewġ timijiet fallew xi free-throws fl-aħħar sekondi biex finalment Huffhines għamlet il-basket fl-aħħar erba’ sekondi biex Luxol ħarġu rebbieħa 65-63.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, L. Fenech Pace 11, M. Marmara, N. Vella 2, E. Abela, B. Huffhines 28, V. Baldacchino 5, S. Sciberras, R. Fenech Pace, R. Naudi 5, A. Fenech Pace 14.

Hibernians: M. Brandon 16, M. Buhagiar 2, E. Farrugia, E. Cassar 6, A. Saliba 10, J. Abela 2, S. De Martino 27, K. Calleja, N. Farrugia, K. Caruana, A. Mallia, J. Dabic.

Referees: Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia

Valletta Lioneses………….52

Athleta…………………………53

(6-10)(12-11)(13-13)(21-19)

Il-partita bejn iż-żewġ debuttanti marret favur it-team ta’ Athleta b’żewġ free-throws ta’ Nicole Vella fl-aħħar ftit sekondi. Il-partita kienet kumbattuta għalkemm ta’ skor baxx u setgħet marret kull naħa. Athleta fetħu b’mod qawwi, b’punti minn Kennedi Williams, Vella, Camila Londono u Francesca Sant fejn għamlu run inizjali ta’ 10-0. Valletta irnexxielhom jiksbu l-ewwel punti b’żewġ trippli ta’ Milica Stefanovic li għamlu l-punteġġ 10-6 favur Athleta. Dawn kienu l-aħħar punti tat-taqsima għaliex fl-erba’ minuti ta’ wara ħadd ma sab il-basket. Valletta bdew it-tieni sessjoni b’punti minn Stefanovic qabel ma Athleta kellhom trippla ta’ Britney Agius flimkien ma’ Sant u Laura Camilleri u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 19-9. Valletta rnexxielhom inaqqsu d-distakk 16-19 wara seba’ punti mingħajr risposta fosthom żewġ baskets minn Taisiia Nikishina. Basket fuq kull naħa ħalla lill-Athleta fuq quddiem b’distakk żgħir 21-18.

It-tielet perjodu kien aktar bilanċjat, fejn Valletta irkupraw permezz ta’ Sabrina Abugrin u Alexia Parnis qabel ma Stefanovic għamlet trippla oħra biex poġġiet lil Valletta fuq quddiem għall-ewwel darba 26-25. Athleta wieġbu permezz ta’ Williams u Vella, u reġgħu ħadu vantaġġ ta’ tlett punti sa’ tmiem is-sessjoni 34-31. Fl-aħħar sessjoni, Valletta bdew b’run ta’ 7-2 bi trippla ta’ Stefanovic flimkien ma’ Barnes. Athleta rrispondew b’punti minn Williams u Vella li reġgħu poġġewhom fuq quddiem 41-38. Valletta fetħu vantaġġ ta’ 5 punti fis-seba’ minuta 47-42 b’punti ta’ Parnis u Stefanovic u dehru resqin lejn ir-rebħa. Però Athleta ma ċedewx u u mmexxija minn Vella u Williams għamlu run ta’ 9-3. Barnes poġġiet lil Valletta minn fuq fl-aħħar 46 sekonda però hawn waslu l-freethrows ta’ Vella u Valletta ma skurjawx fl-attakk ta’ wara hekk kif Williams żammet il-ballun fl-aħħar sekondi biex Athleta ħadu r-rebħa 53-52.

Valletta Lioneses: A. Parnis 6, J. Barnes 8, S. Abugrin 2, J. Apap Brown, M. Stefanovic 24, M. Momcilovic 2, M. Mifsud, A. Nikishina 2, H. Grixti, N. Montalvo, T. Nikishina 8.

Athleta: K. Williams 22, B. Agius 3, M. Ferrante 2, N. Vella 13, M. Cassar Pickard, F. Sant 5, J. Cipriott, C. Londono 6, K. Abela, C. Caruana, K. Abela, L. Camilleri 4.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu.

Bettson Depiro……………75

Starlites JSD………………..60

(18-11)(21-16)(15-15)(21-18)

Bettson Depiro wkoll bdew l-impenji tagħhom b’rebħa meta għelbu lil Starlites JSD 75-60. Għal Depiro kien hemm id-debutt tal-Amerikana Janai Crooms flimkien ma’ Joselle Borg Cardona però kienet nieqsa Julia Borg Xerri fil-waqt li għal Starlites iddebuttat Ylenia Bonett u rritornat Samantha Tabone. Il-partita kellha bidu kwiet u wara l-ewwel punti minn Crooms u Kristy Galea għal Depiro kien hemm risposta minn Starlites bi trippla ta’ Sasha Lecuyer. Depiro kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Julia Borg u Galea qabel ma l-Amerikana ta’ Starlites Makaila Napoleon kisbet l-ewwel punti tagħha. Depiro għalqu s-sessjoni b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Borg għal skor ta’ 18-11. Fit-tieni taqsima, kien hemm aktar trippli fuq iż-żewġ naħat fejn Depiro bdew bi tnejn minn Julia Borg u Neve Borg fil-waqt li għal Starlites wieġbu Michela Zammit Cordina u Philippa Riolo. Depiro kellhom mument posittiv bi break ta’ 8-2 b’żewġ trippli tal-Amerikana Crooms qabel ma M. Riolo wkoll wieġbet bi three pointer għal Starlites. Lejn it-tmiem kien hemm erba’ punti fuq kull naħa għal skor ta’ 39-27.

It-tielet taqsima rat lil Depiro jkomplu bil-punti ta’ Claire Ciantar u Galea. Hawn Starlites ġew lura fejn għaqqdu run ta’ 8-0 minn Riolo u Lecuyer. Depiro rkupraw b’sitt punti oħra u minkejja trippla ta’ Napoleon, temmew is-sessjoni 54-42 minn fuq. L-aħħar taqsima rat lil Depiro jagħlqu definittivament il-partita b’run ta’ 13-2 fejn kellhom fost l-oħrajn it-trippli ta’ Galea u J. Borg. Starlites kienu maqtugħa mill-partita bil-coach Peter Shoults jagħti spazju lil xi players ta’ fuq il-bank hekk kif Depiro ħarġu rebbieħa 75-60.

Bettson Depiro: J. Borg 18, J. Magri, J. Mallia 2, L. Sciberras, N. Agius 2, C. Ciantar 4, J. Crooms 27, M. Micallef, N. Borg 3, K. Galea 15,J. Borg Cardona 4, H. Farag.

Starlites JSD: S. Lecuyer 10, M. Riolo 9, Y. Bonett 9, P. Riolo 10, M. Zammit Cordina 7, C. Vella, M. Fenech, M. Napoleon 11, M. Sciberras, S. Tabone, Y. Ferrando 4, C. Curmi.

Referees: Bernard Vassallo, Andre Attard.