Lokali

Entità ta’ Clayton Bartlolo tinstab ħatja li ħbiet fiex intefqu l-miljuni minn flus il-poplu

L-Awditur Ġenerali jgħid li l-Malta Film Commission ma pprovdietx records u kuntratti u ma tatx prova li l-miljuni li nefqet fil-Malta Film Week kienet ġustifikabbli

Rapport tal-Awditur Ġenerali kixef kif il-Kummissjoni tal-Films ħbiet fiex intefqu l-miljuni mit-taxxi tal-poplu.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo jkompli jinkixef kemm ma jixraqlux li jibqa’ Ministru. Wara li nkixef fil-frodi li kkonfoffa ma’ sieħbu l-Ministru Clint Camilleri biex jagħti lis-segretarja tiegħu job ta’ konsulenta għal kwazi €70,000 fis-sena mingħajr ma kellha l-kwalifiki, issa l-Awditur Ġenerali mitlub jinvestiga fejn marru l-€137,000,000 tal-Malta Film Commission li tagħha hu responsabbli hu, sab li din ħbiet in-nefqa tagħha u ma tatx prova li flus il-poplu nefqithom sew.

Wara li saret talba mill-Membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi, sabiex jinvestiga n-nefqa ta’ miljuni mill-Kummissjoni tal-Films, l-Awditur Ġenerali sab fost l-oħrajn li:

1.        Il- Kummissjoni Maltija tal-Films ma kellhiex bażi soda ta’ strateġija u business plans dwar in-nefqa fil-Malta Film Week

2.        Il- Kummissjoni Maltija tal-Films ma pprovdietx rekords ta’ accounts u kuntratti – tant li l-Awditur Ġenerali ma setax jasal għan-nefqa sħiħa ta’ kemm swiet il-Malta Film Week

3.        Il- Kummissjoni Maltija tal-Films ma tatx prova li n-nefqa ta’ miljuni fil-Malta Film Week kienet value for money

4.        Il- Kummissjoni Maltija tal-Films kellha nuqqasijiet fil-governanza tajba – saħansitra ma pprovdietx lill-Awditur Ġenerali bil-minuti u ma tatx dettalji serji tan-nefqa li saret fil-Malta Film Week

5.        In-nuqqas ta’ audit trail serju jwassal għal nuqqas ta’ kontinwità ta’ business, u nuqqas fil-prinċipji ta’ trasparenza, kontabilità, regolarità u value for money.

Fi stqarrija maħruġa mid-deputati Julie Zahra u Darren Carabott, il-Partit Nazzjonalista tenna li jemmen f’investiment bi pjan strateġiku u mill-aqwa fl-industrija tal-films – kemm għall-produzzjonijiet lokali iżda wkoll sabiex ikun attraenti għall-produzzjonijiet barranin. Iżda mhu se jaċċetta qatt li dan isir mingħajr ma l-Gvern Laburista jagħti rendikont ta’ kif qed jintefqu l-flus.

L-Awditur Ġenerali sab li ma kienx hemm ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol fl-industrija tal-films. Anzi, ikkonferma li nżammu l-istess numru minn produzzjoni għall-oħra.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandu jkun hemm capping fuq il-cash rebate, u li jkun hemm wage regulation order għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur fost oħrajn.

Minflok ma jberbaq flus il-poplu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech għandu juża l-flus biex jitranġaw it-Tankijiet tar-Rinella u jinbena s-Sound Stage li dan il-Gvern ilu jwiegħed.

Il-Partit Nazzjonalista jkompli jisħaq bis-sħiħ li jrid ikun hemm aktar importanza lill-co-production fund, li jippermetti lil producers Maltin ikunu fuq level playing field ma’ oħrajn Ewropej.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jsostni wkoll li l-investiment li jsir fl-industrija tal-films isir fil-produzzjoni u fl-artist, fejn anke l-artist Malti u l-ħaddiema kollha li jiffurmaw parti minn din l-industrija jingħataw kull possibbiltà li jikbru mal-industrija f’Malta u f’Għawdex.

Bħalma ġara fil-każ tal-mara tal-Ministru li ġie żvelat fl-aħħar jiem, b’paga ta’ kważi €70,000 mit-taxxi tal-poplu għal konsulenza li qatt ma ngħatat – min jaf x’seħħ fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministru Clayton Bartolo fejn l-Awditur Ġenerali lanqas sab rendikont u dokumenti suret in-nies ta’ kif intefqu l-miljuni.