Lokali

“Il-fatt li hemm min għadu ma tħallasx huwa ta’ inkwiet kbir” – MEIA

Meta l-pagamenti jittardjaw dan ikun qiegħed jhedded il-proġetti lokali u l-finanzi tagħhom.

Dan saħqitu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tal-Arti u d-Divertiment (MEIA) hekk kif esprimiet l-inkwiet tagħha għall-fatt li l-pagamenti li għadhom ma sarux lill-ħaddiema tal-films qed iħallu konsegwenzi serji ħafna.

Fi stqarrija, ġie spjegat li r-rapporti qed jindikaw li l-Malta Film Commission għadha ma ħallsitx lil ħafna professjonisti; b’ittardjar bla ebda preċedent u wegħdiet ta’ fondi li s’issa għadhom ma tħallsux.

L-MEIA spjegat li hemm min ilu xhur sħaħ jistenna cash rebate biex iħallas lil membri tal-crew u oħrajn li pprovdewlhom is-servizzi.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tal-Arti u d-Divertiment spjegat li dan kollu jaf iwassal biex dan is-settur jitpoġġa għarkupptejh f’qasir żmien.

Filwaqt li spjegat li tinsab f’diskussjoni mal-Gvern u li l-proċess tal-ħlas beda, insistiet li hemm ħafna li għadhom qed jistennew il-pagament tagħhom – fejn saħansitra qed jirrapportawlhom li hemm professjonisti li lanqas biss qed ikollhom l-emails imwieġba.

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qed jisħqu li dan kollu jwassal messaġġ ta’ kriżi aktar profonda li ħadd ma huwa jitkellem dwarha u għaldaqstant wieħed jiġih naturali jistaqsi dwar l-effiċjenza tal-kummissjoni nfisha, mhux biss iżda wkoll tpoġġi f’dubju t-trasparenza u l-kontabbiltà tagħha.

L-MEIA insistiet dwar il-fatt li hemm bżonn ta’ aktar responsabbiltà u kontabbiltà bil-għan li l-artisti u l-professjonisti fil-qasam ikunu rispettati u jingħataw is-sostenn meħtieġ.

Dan filwaqt li l-assoċjazzjoni ħeġġet lil kull min qed iħabbat wiċċu ma’ problemi simili sabiex jagħmlu kuntatt magħha mill-aktar fis.