Lokali

Il-Gvern Laburista jgħaddi romblu minn fuq il-Kunsilli Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ qrib ir-residenti u s-sidien tan-negozji Mostin, dan b’kuntrarju għall-Gvern Laburista.

Dan kien is-sentiment f’konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Charles Bonello u s-Sindku tal-Mosta Joseph Gatt flimkien mal-kumplament tal-Kunsilliera Nazzjonalisti, fid-dawl tal-fatt li l-Gvern impona l-għeluq tal-Pjazza ewlenija tal-istess lokalità.

Wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda, il-maġġoranza ġdida Nazzjonalista ddeċidiet li tiftaħ il-Pjazza filwaqt li tniedi konsultazzjoni pubblika u wiesgħa mal-Mostin, u anke ma’ Uffiċjali ta’ Transport Malta biex il-Kunsill jara x’funzjoni għandu jkollha l-Pjazza tal-Mosta.

Proċess li tnieda għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li, għalkemm rebaħ l-elezzjoni fil-Mosta, irid jibqa’ jisma’ lill-Mostin.

Huma sostnew li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jemminx fis-sussidjarjetà u fid-demokrazija. Dan għaliex dak li qed iseħħ mill-Gvern fil-Mosta hu attakk fuq il-Kunsill Lokali, apparti wkoll li dan il-każ mhux wieħed iżolat.

Is-Sindku Joseph Gatt sostna kif, wara li Transport Malta għalqet il-Pjazza fix-xhur li għaddew, il-Ministru Chris Bonett innifsu kien minn tal-ewwel li appoġġja din id-deċiżjoni. U dan minkejja li l-għeluq tal-Pjazza tmur kontra x-xewqa tar-residenti Mostin.

Hu kompla jgħid li l-atteġġjament tal-Gvern u ta’ Transport Malta mhux aċċettabbli għax l-awtorità tal-Gvern għandha tikkomunika u tikkonsulta mal-Kunsilli Lokali bil-quddiem qabel ma’ timponi kwalunkwe implimentazzjoni.

Minflok, il-Kunsill Lokali tal-Mosta sar jaf bid-deċiżjoni tal-għeluq tal-Pjazza minn fuq il-mezzi soċjali.