Lokali Parlament

Il-gvern ma żammx il-wiegħdi tiegħu dwar l-annimali


Janice Chetcuti, PN


Ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Animali Janice Chetcuti qalet fil-Parlament li l-gvern ma żammx il-wiegħdi tiegħu dwar l-annimali.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Janice Chetcuti qalet li fi 15-il xahar u f’żewġ budgets konsekuttivi, l-isptar tal-annimali baqa’ magħluq. Dan juri kemm il-gvern m’għandux għal qalbu l-annimali u lil ħafna nies li jaħdmu biex jgħinu lill-annimali. Kien Gvern Nazzjonalista li 12-il sena ilu investa bis-saħħa f’dan is-settur iżda llum, f’Ta’ Qali hemm l-isptar tal-annimali li kien bena gvern Nazzjonalista abbandunat.

Il-gvern qed jagħmel tnaqqis drastiku fl-allokazzjoni lill-kunsilli lokali dwar l-annimali; minn €35,000 għal €10,000. Jirriżulta li l-gvern m’għandux pjan fit-tul biex titnaqqas it-tbatija tal-annimali li jsibu biss l-għajnuna u l-appoġġ tal-voluntiera.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li m’hemmx pjan għat-tiswija tal-annimali u għall-għajnuna li jkun hemm bżonn wara. Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ €100,000 għat-tiswija tal-annimali.

Janice Chetcuti qalet li hi ta’ tbatija li jkun hemm annimali mtajra fit-toroq. L-Animal Welfare Fund kien ukoll milqut minn tnaqqis ta’ fondi, qalet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li hemm diversi wiegħdi li ma twettqux fosthom policy dwar il-ħarsien tal-annimali. Din għadha lanqas biss ippubblikata. Kienu mwiegħda wkoll liġijiet dwar l-annimali iżda tressqu biss avviżi legali wara snin twal ta’ konsultazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li wara l-konsultazzjoni ma jkun sar xejn u l-liġijiet ma jsirux. Il-poplu qed jistenna r-regoli dwar l-isfruttuar ta’ ħafna annimali fosthom it-tkattir tal-annimali. Meta dan ikun bla rażan u kontroll, dan jeqred u jisfrutta lill-annimali u jġibulhom aħfna tbatija.

Id-deputat Nazzonalista qalet li l-NGOs kienu mistiedna biex jekk isibu art biex ikunu organizzati shelters, iżda l-fatti huma li mhux biss ma nstabu l-ebda artijiet iżda lill-voluntiera għaddewhom minn martirji biex l-awtoritajiet jisimgħuhom. Il-gvern m’għamel xejn, sostniet Janice Chetcuti, li qalet li kien tħabbar ukoll li se ssir sekma biex jitranġaw is-santwarji.

Il-gvern kien qal li se jagħti riżosi umani u biex is-santwarji jitranġaw, iżda fil-fatt kienu ftit biss ikkunsidrati u li ngħataw biss il-preżenza ta’ perit li kkonferma li kien hemm bżonn isir ix-xogħol; iżda għadu ma sar l-ebda investiment f’dan ir-rigward.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-gvern wiegħed li se jibda l-kors tal-veterinarji u għal darba l-gvern għoġbu jisma’ mill-Oppożizzjoni dwar dan. Hi appellat għall-micro chipping tal-klieb u sostniet li l-liġijiet għandhom ikunu implimentati għaliex din ilha mill-2012.

Huma fil-fatt ftit biss dawk li kienu immultati dwar in-nuqqasijiet. Il-gvern poġġa 20 razza ta’ klieb f’kategorija biex jekk xi ħadd ikollu wieħed minnhom iżda ma jkunx pur, dawn il-persuni se jkunu immultati eluf ta’ ewro. S’issa m’hemmx xejn speċifikat dwar x’se jsir mill-klieb.

L-akbar pjaga tibqa’ l-għeluq tal-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali fejn kienu jingħataw is-servizzi ta’ kura medika 24 siegħa kuljum

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li d-Direttorat tal-Annimali hu nieqes mill-faċilitajiet minħabba li l-isptar għadu magħluq. Il-fatti huma li l-klinċi mhumiex sptarijiet u fihom m’hemmx spazji biżżejjed.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li anki l-annimali li jinġabru mit-toroq għandhom jingħataw kura medika u jkunu trattati b’dinjità.