Lokali Parlament

Il-gvern qata’ qalbu mill-agrikoltura u s-sajd


Toni Bezzina, PN


Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Toni Bezzina qal fil-Parlament li l-gvern qata’ qalbu mill-agrikoltura u s-sajd.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina qal li hu diżrispett lejn il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda li dawn is-setturi jsiru ballun politiku: anzi, huwa dmir kulħadd li jagħmel l-almu tiegħu biex dawn is-setturi jimxu ‘l quddiem u jirnexxu mhux għall-gid ta’ dawk involuti direttament f’dan is-settur, iżda għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Jeħtieġ li pajjiżna jkun kapaċi jipprovdi ikel biżżejjed lokalment għall-poplu mingħajr il-bżonn li nimpurtaw minn barra l-pajjiż: u dan jista’ jsir biss jekk napprezzaw ix-xogħol siewi li jagħmlu l-bdiewa, raħħala u sajjieda kif ukoll li dawn il-ħaddiema, li jaħdmu minn sbieħ il-ġurnata sa nżul ix-xemx, ikollhom qligħ ġust għax-xogħol li jagħmlu. Hemm bżonn li nattiraw bdiewa, raħħala u sajjieda żgħażagħ lejn dawn is-setturi biex dawn is-setturi jkunu kkonservati u ma jintilfux mal-mogħdija taż-żmien.

Toni Bezzina qal li l-biewa u r-raħħala huma l-gwardjani naturali tal-ambjent. Barra minn hekk, dawn huma n-nies li jagħtu garanzija għall-provvista tal-ikel f’pajjiżna filwaqt ukoll jipprovdu ‘price security’ wkoll. Għalhekk, lil dawn in-nies għandna ngħinuhom u mhux infittxuhom biss f’każ ta’ kriżi, bħalma ġara waqt il-pandemija.

Ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq l-importazzjoni tal-ikel minn barra l-pajjiż, fejn 60% ta’ dak kollu li nikkonsmaw jiġi impurtat. Għalhekk irridu ngħinu lil dan is-settur, b’mod speċjali bdiewa u raħħala żgħażagħ.

Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikun qiegħed inaqqas l-ispejjeż tal-importazzjoni ta’ materja prima li tintuża f’dan is-settur; jingħata sussidju fuq fuel lill-bdiewa u raħħala bħalma jiġri f’pajjiżi oħra bħal Franza, il-Polonja u Spanja u nsaħħu l-kontrolli fuq prodotti impurtati f’pajjiżna, speċjalment dawk il-prodotti mkabbra barra l-Unjoni Ewropea.

Dan filwaqt li jittieħdu dawk il-miżuri kollha neċessarji biex prodotti impurtati ma jbqgħux jinbiegħu bħala prodotti lokali, issir il-pressjoni kollha neċessarja biex l-Unjoni Ewropea tkun sostenibbli fil-produzzjoni tal-ikel għaċ-ċittadini Ewropej u b’hekk tnaqqas jew telimina għal kollox l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli minn barra l-EU.

Minħabba l-insularità ta’ pajjiżna u n-nuqqas ta’ art, irridu nagħmlu l-pressjoni neċessarja biex is-settur agrikolu f’pajjiżna jkun rikonoxxut bħala servizz ta’ importanza nazzjonali peress li f’każ ta’ kriżi mondjali, dan huwa l-uniku sors ta’ sigurta ta’ ikel f’pajjiżna.

Li ma jagħmilx gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista hu li noqogħdu nistennew lill-bdiewa u r-raħħala jipprotestaw biex il-gvern jagħti widen għall-bżonnjiet tagħhom.

Toni Bezzina qal li l-Private Member’s Bill imressaq fil-Parlament mid-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo aktar minn sena u nofs ilu tħalla fuq l-ixkaffa mill-Gvern Laburista għax dan tilef ir-ruħ soċjali tiegħu. Għandna Gvern li ma jimpurtahx mill-vulnerabbli, mill-ambjent u mis-settur agrikolu. Minflok, il-Gvern irrikonoxxa li dan hu abbozz tajjeb u ddiskutih bla dewmien, qagħad ikaxkar saqajh u ħela sena u nofs b’detriment għal 20% tal-popolazjoni ta’ pajjiżna, li kif stqarr il-Gvern stess waqt id-diskors tal-budget, qegħdin f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Toni Bezzina sostna li dan ma kienx biżżejjed, għax tellef lill-industrija agrikola li tkabbir ta’ prodotti agrikoli prodotti f’eċċess mid-domanda staġjonali, jagħtihom valur u minflok dawn jintremew jiġu utilizzati minn min hu fil-bżonn u lill-għaqdiet li jgħinuhom b’opportunità għas-settur agrikolu li jirkupra ftit mill-ispejjeż li dan is-settur għandu.

Hu kompla li problema kbira li qed iħabbtu wiċċhom magħha kemm il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda hi li fondi tal-EU vvutati għal dawn is-setturi qed jispiċċaw fi bwiet il-Gvern minflok biex jiġu ffinanzjati proġetti mressqa ‘l quddiem minnhom. Minflok il-Gvern jgħin lill-bdiewa, raħħala u sajjieda, dan qed jieħu dawn il-fondi hu.

Każ tipiku hi waħda mill-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, għall-proġetti b’nefqa ta’ €13.2 miljun li nofshom huma fondi tal-EU. X’għamel il-Gvern? Minflok għen lill-bdiewa u raħħala jimlew l-applikazzjonijiet, mhux talli rħielhom weħidhom iżda ħadilhom kważi l-fondi kollha relatati ma’ din il-miżura.

Kien għalkekk li l-PN talab li jkun hemm capping tal-massimu tal-ammonti li jistgħu jingħataw fondi tal-EU progetti pubbliċi u għahlekk il-bidwi, raħħal u sajjied ma jispiċċax jikkompeti mal-Gvern. Il-PN talab ukoll li proġetti li ġew iġġudikati li kienu teknikament tajba taħt din l-iskema jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-EU u jitwettqu.

Kienet l-Oppozizzjoni stess li nsistiet li l-korsijiet tal-veterinarji jibdew isiru Malta wara talba minn raħħala żgħażagħ li lmentaw li hawn nuqqas ta’ veterinarji tal-annimali tal-irziezet. Għalkemm fil-bidu l-gvern kien kontra din l-idea, maż-żmien qabel mal-Oppożizzjoni u issa se jibda jiġi organizzat dan il-kors mill-MCAST flimkien mal-Università Autonima de Barcellona. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, kien hemm madwar tmien studenti li kellhom il-kwalifiki neċessarji biex ikunu jistgħu jibdew dan il-kors minn 30 li applikaw.

Il-PN qed jinsisti fuq l-assigurazjoni tal-gvern li dawk l-istudenti kollha li jkollhom il-kwalifiki neċessarji biex isegwu dan il-kors, jingħataw l-opportunità jagħmlu dan u mhux ikun hemm numru limitat ta’ kemm jiflaħ studenti dan il-kors, li kull min ilesti l-kors b’suċċess u jiggradwa, jingħata l-warrant biex jipprattika ta’ veterinarju kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, li dan il-kors ikun akkreditat u li min jattendi dan il-kors, jingħata l-prattika necċessarja.

Abozz ieħor li ġie diskuss madwar xahar ilu kien kif ikun iffurmat il-Bord tas-Sajd u kif ikunu magħżula l-membri li jiffurmaw dan il-Bord. Għalkemm l-Oppożizzjoni taqbel li r-rappreżentanza fuq il-Bord tas-Sajd twesset, bħalma naqblu li wieħed mill-membri fuq dan il-Bord għandu jkun ta’ età ta’ inqas minn 40 sena u li waħda mill-membri għandha tkun ta’ ġeneru femminili, l-Oppożizzjoni ma taqbilx li tneħħew rappreżentanti tal-pitkala, tal-pixkerija u tal-bejjiegħa tal-ħut.

L-Oppożizzjoni ma taqbilx ukoll ma’ kif se jkunu nominati u magħżula l-membri tal-Bord tas-Sajd. Fejn sal-lum tmien membri minn 15 ikunu nominati mill-Kooperattivi u Għaqdiet tas-Sajd, kif qed jipproponi l-Gvern tnejn biss se jkunu nominati mill-Kooperattivi u Għaqdiet tas-Sajjied; u dan wara insistenza tal-Oppożizzjoni għax kieku l-membri kollha kienu jiġu nominati u maħtura mill-Ministru.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tibqa’ tinsisti li għall-ġid tas-settur tas-sajd stess, huwa importanti li l-membri fil-Bord tas-Sajd ikunu nominati mir-rappreżentanti tagħhom stess u mhux mill-politiku.

Toni Bezzina sostna li l-Gvern qata’ qalbu għal kollox mis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd. Minflok żied l-għajnuna biex pajjiżna jkollu ikel bi prezzijiet affordabbli, naqqas €12-il miljun li kienu jmorru fost oħrajn għas-sussidju tal-ġwiez. Però anke s-sajjieda qegħdin fuq żaqqu għax tnaqqsu €100,000 li kienu jmorru biex sajjieda jirranġaw l-opri tal-bahar tagħhom u tnaqqsu €100,000 oħra li kellhom imorru għall-irranġar tal-pixkerija.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta tingħata l-fondi neċessarji biex tibda tixtri art agrikola biex din tingħata bi qbiela lil bdiewa żgħażagh u bdiewa ġenwini, biex jinstab mezz kif art agrikola u rziezet ta’ raħħala jew bdiewa rtirati jibqgħu fil-katina tal-ikel u mhux jintilfu kif qed isir bħalissa u biex il-ġestjoni ta’ art agrikola li bħalissa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorita tal-Artijiet tiġi taħt l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta biex ikun assigurat li art agrikola tal-Gvern tgħaddi għand bdiewa ġenwini u mhux tispiċċa tinkera għal skop ta’ rikreazzjoni.

Il-ġestjoni tan-new water għandha wkoll tingħata lill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta biex il-bdiewa jibdew jingħataw biżżejjed ilma biex isaqqu l-uċuħ tar-raba’ tagħhom u dan jista’ jsir billi tinħoloq kwota minima ta’ ilma fuq il-bażi tal-‘corp plan’ tagħhom.

Għandha tkun offruta protezzjoni sħiħa lis-sajjieda Maltin minn sajjieda ta’ pajjiżi terzi meta jkunu qed jistadu hemm barra, sajjieda ġenwini u sajjieda żgħażagħ jingħataw kull opportunità u kull għajnuna biex jakkwistaw fondi tal-EU biex jagħmlu titjib tal-opri tal-baħar tagħhom u biex jixtru opri tal-baħar ġodda waqt li s-sajd illegali jieqaf biex il-ħobża ta’ kuljum tas-sajjieda ġenwini u sajjieda żgħażagħ tkun salvagwardjata.

Jekk il-gvern jibqa’ ma jimplimentax dawn il-proposti, gvern ġdid Nazzjonalista jara li dawn jidħlu fis-seħħ fl-iqsar żmien possibbli, sostna Toni Bezzina.