Knisja Lokali

Il-proġett ta’ Villa Rosa jagħti prijorità lill-bżonnijiet individwali mhux il-ġid tal-komunità

Il-Kummissjoni Ambjent ma taqbel xejn mal-emendi proposti fil-pjanijiet lokali li jippermettu proġett massiv ta’ kostruzzjoni f’Villa Rosa, f’San Ġiljan. Dan il-proġett, li jinkludi torri ta’ 34 sular u żewġ torrijiet oħra ta’ 27 sular, juri biċ-ċar li ma ngħatatx konsiderazzjoni xierqa għall-impatt li se jkollu fuq il-komunitajiet tal-madwar.

Fost affarijiet oħra bħaż-żieda fit-traffiku, l-impatt viżiv, u kif se jiġi affettwat l-aċċess għad-dawl tax-xemx minħabba d-dell li se joħloq fuq il-madwar. Il-Kummissjoni tħares lejn dan il-proġett bħala eżempju ieħor fejn jidher ċar li l-prijorità qed tingħata lill-proġetti individwali minflok lill-ġid komunitarju.

Dan hu riżultat ta’ policies imfassla fuq pariri ħżiena u deċiżjonijiet kontroversjali li jagħtu l-impressjoni li l-awtoritajiet responsabbli qed iwarrbu ppjanar fit-tul u bil-għaqal biex jiffavorixxu approċċ frammentat ta’ proġetti hekk imsejħa ta’ żvilupp.

Huwa ta’ tħassib li saret drawwa li l-proġetti qed ikunu negozjati u mwiegħda qabel ma jsiru studji bir-reqqa u konsultazzjoni pubblika serja. Dan qed jimmina l-iżvilupp sostenibbli. Jekk veru li dan il-proġett qiegħed f’fażi ta’ konsultazzjoni, allura l-awtoritajiet jagħmlu tajjeb jekk jagħtu widen għall-mod ċar li bih qed jitkellmu r-residenti u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Deċiżjonijiet li jittieħdu bil-għan li jingħataw permessi għal żvilupp li mhux parti minn pjan ħolistiku, jiftħu t-triq għall-abbużi u jkomplu jagħmlu s-sitwazzjoni fil-lokalità konċernata aktar mwiegħra għar-residenti u għal kull min iżurha.

Il-Kummissjoni tisħaq li huwa essenzjali li fir-reviżjoni tal-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li ilha s-snin imwiegħda, il-Gvern jitgħallem mill-esperjenzi preċedenti u jneħħi regolamenti ambigwi u ħżiena li ppermettew lil individwi u organizzazzjonijiet jibbenefikaw mil-lakuni li nħolqu.

Tajjeb li nqisu wkoll dak li kellha xi tgħid l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) dwar il-bżonn li jkollna turiżmu sostenibbli sabiex jitnaqqas l-influss ta’ turisti li qed jhedded l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, u l-esperjenzi għall-viżitaturi.

Leħen iċ-ċittadin għandu jingħata widen bis-serjetà u l-parteċipazzjoni pubblika fit-tħejjija ta’ dan id-dokument għandha tkun waħda estensiva sabiex titħares il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, li saru iktar konxji mir-relazzjoni bejn il-ġustizzja soċjali, is-saħħa u l-kwalità tal-ambjent.

Il-Kummissjoni Ambjent issostni li sabiex ikollna ‘pajjiż ta’ kwalità’ jeħtieġ li jkun hemm impenn serju lejn żvilupp li jkun verament sostenibbli, b’konsultazzjoni pubblika vera u studji komprensivi biex jiġu evitati abbużi, u jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ntbagħtet lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika miftuħa bħalissa. Il-Kummissjoni Ambjent tħeġġeġ lill-pubbliku jagħmel l-istess u jibgħat il-fehmiet tiegħu lill-Awtorità tal-Ippjanar sal-25 ta’ Novembru 2024.