Priġunier ġie mixli li weġġa’ serjament priġunier ieħor u li kissirlu żewġ sinniet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Claude Junior Jouvency ta’ 29 sena, imwieled Franza, wieġeb mhux ħati li aggredixxa, hedded u weġġa’ serjament lil Etienne Buttigieg.
L-Ispettur Gabriel Kitcher, flimkien mal-avukat tal-AĠ Jennifer Polidano, ressaq lill-akkużat u spjega li fid-29 ta’ Ottubru l-Għassa ta’ Raħal Ġdid irċeviet rapport dwar inċident fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Pulizija sabet li priġunier kien sofra ġrieħi gravi u kellu żewġ snien maqlugħin.
Il-vittma qal lill-Pulizija li l-akkużat kien aggredih. Jouvency kien tressaq il-Qorti fis-sajf li għadda u akkużat b’serq minn ġojjellerija f’Tas-Sliema, f’Awwissu. Il-Qorti kienet semgħet kif kien ġie Malta tliet ġimgħat qabel u spiċċa bla xogħol, u spiċċa jorqod f’dgħajsa rmiġġata ‘l barra minn Manoel Island.
Allegatament kien insteraq hu stess waqt li kien rieqed fid-dgħajsa u mar jipprova jisraq il-ġojjellerija, semgħet il-Qorti. Il-Maġistrat Gabriella Vella ppresediet il-kawża filwaqt li l-avukat Axel Camilleri rrappreżenta lill-akkużat bħala avukat tal-għajnuna legali.
//= $special ?>