Lokali Qorti

Multa ta’ €1,000 għax hedded uffiċjal tal-ERA

Raġel ta’ 43 sena residenti n-Nadur ġie mmultat €1,000 mill-Qorti ta’ Għawdex wara li nstab ħati li hedded uffiċjal tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li se juża l-kuntatti li għandu biex jispiċċa bla xogħol.

Il-każ ta’ Jonathan Muscat kien qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech fejn kien qed jiġi akkużat li f’Awwissu 2022, hedded żewġ uffiċjali tal-ERA, għajjarhom b’tali mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni u ostakola l-ħidma tagħhom biex jaqdu dmirijiethom. Huwa wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi, bl-aħħar akkuża ma nstabx ħati tagħha.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-Pulizija talbet lill-ERA tassistiha fuq mandat ta’ arrest kontra l-akkużat li allegatament kellu għasafar f’daru u ma kienx ġie stabbilit x’razza huma. Meta l-uffiċjal inkwistjoni talab lill-akkużat jipprovdilu d-dokumenti ta’ pappagall li kellu, hu qal li ma kellux dawn u meta l-uffiċjal baqa’ jippersisti, l-akkużat qabżitlu u beda jsabbat fuq il-mejda.

F’dan il-ħin qabad jgħajjat u beda jgħid: “jekk jeħel one cent fuq dan il-pappagall int se teħel miegħi”. Qal ukoll li se juża l-kuntatti tiegħu biex jiżgura li l-uffiċjal jisfa bla xogħol. L-ispezzjoni tal-ERA u l-Pulizija waqfet hemm u eventwalment inħarġu l-akkużi kriminali kontra l-akkużat.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-evidenza hi ċara li Muscat beda jhedded lill-uffiċjali għaliex inqabad li ma kellux id-dokumenti għaż-żamma tal-pappagall tiegħu. Huwa ċar li Muscat ipprova jbeżża’ lill-uffiċjal milli jwettaq id-doveri tiegħu u li kellu jintervjeni l-pulizija li kien mal-uffiċjali.

Filwaqt li kkunsidrat li l-akkużat kien għaddej minn żmien diffiċli minħabba s-saħħa ta’ missieru, il-Qorti saħqet li dan ma jfissirx li seta’ jhedded lill-uffiċjal u seta’ jirrikorri għal mezzi oħra jekk ħassu aggravat. Intant, Muscat ma nstabx ħati li pprova jostakola l-ħidma tal-uffiċjali.

Ta’ dan kollu, l-akkużat ġie mmultat €1,000 u ordnatu ma jersaqx lejn l-uffiċjal għal żmien sena u kontra multa oħra ta’ €1,000.

Is-Supretendent Bernard Charles Spiteri mexxa l-Prosekuzzjoni.