Lokali Qorti

Raġel jirrakkonta kif qala’ xeba’ mingħand Lilu King

Raġel irrakkonta fil-Qorti kif huwa safa’ aggredit u qala’ xeba’ mingħand Lilu King meta kien Tas-Sliema. Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo bdiet mill-ġdid il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Libjan Mohamed Ali Ahmed Elmushrati, magħruf bħala l-Lilu King, akkużat li sawwat raġel ieħor fix-Xatt ta’ Tas-Sliema.

Il-vittma qal kif kien spiċċa mal-art wara li qala’ madwar erba’ jew ħames daqqiet mill-aggressur u spiċċa għamel madwar ġimgħa sħiħa ma jistax jiċċaqlaq waqt li ddikjara li lest li jaħfer lill-Lilu King ġa la darba ma jkellmux iktar.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija rnexxielha tidentifika lil Elmushrati minn filmati tas-CCTV. Fil-filmati, il-Libjan jidher qed jagħti sieq lill-vittma u jgħollih mill-art u deher ukoll jinstabat u jsofri ġrieħi. Matul is-seduta d-difiża talbet li tiġi trattata t-talba għal ħelsien mill-arrest, u dan minħabba li Elmushraty ilu miżmum il-ħabs, mill-bidu tax-xahar, meta qalet li kien akkużat li kkaġuna ġriehi ħfief fuq il-vittma.

Madankollu il-Maġistrat Farrugia Frendo ċaħdet it-talba biex isiru sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest u qalet li Elmushraty xellef kemm il-darba difrejh mal-ġustizzija u mhux affidabbli. F’każijiet pendenti oħra, Lilu King ukoll iwieġeb mhux ħati li saq mingħajr licenzja fuq vettura f’Paceville u ħebb ghal persuni li kien hemm fiha.

Elmushrati qed jiffaċċja wkoll akkużi relatati ma’ involviment fil-kriminalità organizzata marbuta mat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus, li għalihom ukoll qed iwieġeb fuq mhux ħati u li allegatament sawwat raġel f’Paceville għax kien fil-kumpanija tal-eks tfajla tiegħu. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa’ mill-Ispettur Eman Hayman waqt li għall-Lilu King qed jidher l-Avukat Franco Debono