Lokali Qorti

Seba’ snin ħabs u multa ta’ €25,000 wara li daħħal Malta aktar minn kilo kokaina

Raġel li f’April tas-sentejn ilu ġie arrestat fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta wara li nstab li kien qed iġorr ftit aktar minn kilo kokaina li nstabu fl-istonku tiegħu, ġie kkundannat seba’ snin ħabs u mmultat €25,000 wara li ammetta l-akkużi minflok għadda ġuri.

Funsen Osvaldo Pinas, imwieled fl-eks kolonja Olandiża tas-Surinam ta’ 37 sena, ammetta l-importazzjoni, pussess bl-intenzjoni ta’ traffikar ta’ droga wara li nstab iġorr 130 kapsula ta’ kokaina. Huwa kien twaqqaf fl-ajruport fit-30 ta’ April wara li wasal fuq titjira minn Brussell tal-Air Malta.

Kienet saritlu spezzjoni doganali wara li deher jaġixxi b’mod suspettuż. L-ebda oġġetti illeċiti ma ġew irkuprati fuqu wara li saret strip search. Wara li ġie mitkellem mill-uffiċjali tad-dwana u l-Pulizija, ir-raġel ammetta li kien qed iġorr xi ħaġa fl-istonku tiegħu. 

Mal-arrest tiegħu huwa kien ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn sarlu X-ray li kkonferma li kellu 130 kapsola fl-istonku. Meta d-droga ġiet eżaminata nstab li b’kollox kien hemm fil-kapsoli total ta’ 1.2 kilo kokaina li kellha purità ta’ 41%.

Pinas tressaq fil-Qorti u kien mixli b’pussess u importazzjoni tal-imsemmija droga u kellu jgħaddi ġuri quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras. Madankollu, waqt qbil bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u d-difiża dwar il-piena, huwa għażel li jammetti u minbarra l-ħabs u l-multa ġie ordnat ukoll iħallas €3,475 fi spejjeż tal-Qorti.