Sejba ta’ droga sintetika u flus kontanti wasslet biex il-Pulizija tressaq żagħżugħ mixli b’pusses ta’ droga f’ċirksotanzi li juru li ma kenitx għal użu esklussiv tiegħu, u ħasil ta’ flus. Albaniż ta’ 24 sena li m’għandux indirizz fiss fejn joqgħod f’Malta, baqa’ miżmum taħt arrest.
Fl-awla rriżulta li waqt it-tfittxija li saret fid-9 ta’ Novembru fl-appartament fejn kien qed jgħix Ismail Agkarai, instabu wkoll ammonti ta’ flus fil-gwardarobba, fit-tumble dryer u anke wara l-magna tal-ħasil. Ir-rejd tal-Pulizja sar wara li rċeviet rapport minn residenti fl-istess blokka ta’ appartament fejn kien qed jgħix, x’aktarx b’mod illegali.
Il-ġirien ġiehom suspett wara li xammew ċertu rwejjaħ u anke rawh dieħel u ħiereġ iġorr basktijiet b’ammonti sostanzjali ta’ flus u allegatament droga. Il-Pulizija wettqu rejd fl-appartament fejn sabu droga kokaina u sintetika, il-flus moħbijin, boroż tal-plastik u magna li tissiġillahom kif ukoll numru ta’ mobile phones.
Iż-żagħżugħ kien akkużat bil-pussess tal-kokaina u sustanza psikoattiva ġdida mhux għal użu kif ukoll b’ħasil ta’ flus, u wieġeb mhux ħati. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest imma l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, bil-Maġistrat Leonard Caruana ċaħad it-talba u ordna wkoll l-iffriżar tal-assi tal-akkużat.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa’ mill-Avukat Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Mark Anthony Mercieca.
//= $special ?>