Raġel ġie kundannat tliet snin ħabs fuq pussess u ċ-ċirkolazzjoni ta’ materjal pornografiku tat-tfal. Ronnie Farrugia ta’ 64 sena minn Bormla kien ammetta għall-akkużi meta tressaq ġimagħtejn ilu. Il-Maġistrat Monica Vella kienet semgħet kif il-Pulizija investigat lil Farrugia wara li rċeviet tliet rapporti permezz taċ-Cybercrime Unit.
It-taqsima kienet ġiet avżata miċ-Ċentru Nazzjonali għat-Tfal Nieqsa u Sfruttati bbażata fl-Istati Uniti – korporazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li l-missjoni tagħha hija li tgħin biex issib tfal neqsin, tnaqqas l-isfruttament sesswali tat-tfal, u tevita l-vittimizzazzjoni tat-tfal fuq skala internazzjonali.
Din taħdem mal-familji, il-vittmi, l-industrija privata, l-infurzar tal-liġi, u l-pubbliku biex jgħin fil-prevenzjoni tal-ħtif tat-tfal, jirkupra tfal neqsin, u jipprovdi servizzi biex jiskoraġġixxi u jiġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal. Wara l-ammissjoni u l-kundanna, Farrugia ġie mniżżel fir-reġistru tal-kriminali sesswali.
Meta tressaq 15 ilu, Farrugia mill-ewwel kien wieġeb ħati tal-akkużi, bl-Avukat difensur Mark Mifsud Cutajar jitlob għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu wara li l-Qorti ħabbret li ma kinitx se tagħti s-sentenza f’din is-seduta.
Peress li l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba, l-imputat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa ta’ Bormla darbtejn fil-ġimgħa, sakemm issa ġie kundannat tliet snin priġunerija.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Elton Buckingham u Carl Pace.
.