Raġel ta’ 49 sena mill-Qawra ġie kkundannat 18-il sena ħabs u mmultat €30,000, wara li ammetta flok għadda ġuri quddiem l-Imħallef Nathasha Galea Sciberras, akkużi ta’ traffikar u pussess aggravat ta’ cannabis f’ċirkustanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu u li kien fil-pussess ta’ kokaina. L-ammont ta’ droga misjuba kienet ta’ 74.5 kilogrammi.
Fabian Catania kien ġie arrestat flimkien ma’ Tomislav Hegedus fl-2018. Huma tressqu l-Qorti separatament. Fil-Qorti rriżulta li l-akkużat kien ftiehem ma’ Hegedus biex jiltaqa’ f’pompa tal-petrol f’Ħal Qormi.
Hemm l-akkużat kellu jieħu l-vann li normalment kien jintuża biex iċaqlaq għamara bid-droga moħbija ġewwa fiha. Il-ftehim bejn il-koppja kien li wara li Catania jgħabbi l-għamara fil-vann, iħalli l-vettura pparkjata fi Triq San Ġorġ, Santa Venera.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat u Hedegus għamlu xi ħaġa simili, b’Catania jitħallsu €2,000 u €5,000 f’okkażjonijiet separati. Dakinhar tal-arrest tagħhom, il-Pulizija kienet ġiet infurmata dwar dak li kien se jiġri wara tip off li kellha.
Il-Pulizija f’operazzjoni koordinata, daħlu fil-pompa tal-petrol ta’ Ħal Qormi fejn raw lil Hedegus jasal fil-vann, jieqaf fil-pompa tal-petrol u jkellem lill-akkużat, li kien qed isuq il-vettura tiegħu stess. Il-Pulizija baqgħu jissorveljaw il-movimenti tagħhom, u segwew lil Catania hekk kif telaq minn Ħal Qormi u mar Ta’ Qali qabel waqaf f’Santa Venera, li kien il-punt fejn l-uffiċjali tal-Pulizija ħarġu mill-karozzi tagħhom u waqqfu lir-raġel.
L-uffiċjali sabu għamara li kienet fi stat ħażin u ssuspettaw li kienet qed tintuża biex jaħbu d-droga, peress li ma kien hemm “l-ebda raġuni loġika dwar kif l-għamara kienet se tiġi ttrasportata x’imkien ieħor.” Infetħet inkjesta maġisterjali u l-uffiċjali sabu 74.5 kilogrammi ta’ 6.5% kannabis pura. Sabu wkoll 0.25g kokaina ġewwa pakkett sigaretti.
Il-prosekuzzjoni u d-difiża ressqu rikors konġunt għall-patteġġament li fih talbu 18-il sena ħabs u €30,000 multa f’każ ta’ ammissjoni. Catania ammetta għall-akkużi kollha fl-4 ta’ Novembru. Il-Qorti qablet ma kundanna ta’ 18-il sena ħabs wara li tagħtu żmien biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu stess, li ma reġax lura minnha. Minbarra 18-il sena hu ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €30,000. Ġie ordnat ukoll iħallas €3,381.28 fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>