Lokali

Aktar minn 370 persuna mingħajr saqaf fuq rasha – Clyde Caruana

F’pajjiżna hawn aktar minn 370 persuna li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Skont informazzjoni maħruġa mill-Ministru Clyde Caruana nnifsu fil-Parlament, ingħad li minn ċifri ppubblikati fl-aħħar ċensiment jirriżulta li f’pajjiżna hawn sitt persuni li jgħixu barra fit-triq u aktar minn 360 oħrajn li jgħixu f’diversi akkomodazzjonijiet temporanji iżda m’għandhomx residenza fissa.

Caruana wassal din it-tweġiba wara domanda magħmula mix-Shadow Minister Bernice Bonello – risposta li turi li n-nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom qed jiżdiedu.

Ftit aktar minn sena ilu, il-YMCA spjegat li mill-2020 sal-2023 aktar minn mitt persuna kienu talbu l-għajnuna ta’ din l-NGO – bl-individwi jkunu ġejjin minn kull parti tal-pajjiż – mill-Belt Valletta sa Birkirkara, minn Buġibba sa Ta’ Xbiex.

Iżda riċentament, dawn in-numri komplew jiżdiedu. Tant li meta l-YMCA tkellmu ma’ Net News kienu kkonfermaw li kull xahar l-istess organizzazjoni qed tassisti mat-43 persuni li jispiccaw mingħajr saqaf fuq rashom. Dan ifisser li r-realtà hija ferm aktar serja minn dak li tkellem dwaru l-Ministru tal-Finanzi fil-Parlament.

U filwaqt li l-prezzijiet tal-proprjetà u l-kirjiet kulma jmur qed ikomplu jiżdiedu, hekk ukoll il-faqar qiegħed jgħolli rasu. Fost ir-raġunijiet li jwasslu persuna li tispiċċa mingħajr saqaf fuq rasha – speċjalment qalb l-irġiel – hemm il-problemi finanzjarji u telf ta’ impjieg. Dan filwaqt li fost in-nisa tispikka l-vjolenza domestika, segwita minn problemi finanzjarji u sfidi ta’ saħħa mentali.