Lokali Qorti

Daniel Joe Meli jingħata ċans ieħor li jikkontesta l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti

Żagħżugħ li kien f’xifer li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċja akkużi ta’ bejgħ ta’ ‘malware’ illegali fuq ‘dark web’, ingħata ftit tan-nifs meta Imħallef iddeċieda li jista’ jkollu smigħ ġdid fil-Qorti grazzi għal leġiżlazzjoni li għaddiet fil-Parlament, ix-xahar li għadda.

Daniel Joe Meli, ta’ 27 sena qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għall-allegati kummerċ illegali tiegħu fuq id-‘dark web’ bejn Diċembru 2012 u Ġunju 2022. Meta tressaq il-Qorti għall-ewwel darba, huwa ta l-kunsens għall-estradizzjoni, madankollu sussegwentement, megħjun minn avukati ġodda, huwa appella, u sostna li l-ewwel qorti kellha tiżgura ruħha li huwa kien fi stat mentali tajjeb biżżejjed meta ta l-kunsens għall-estradizzjoni.

Dak l-appell ġie miċħud u Meli mbagħad ressaq proċeduri kostituzzjonali. L-avukati tiegħu sejħu numru ta’ professjonisti mediċi li ddeskrivew lil Meli bħala “intelliġenti ħafna” iżda li jsofri minn “ansjetà soċjali kbira” u “stima personali baxxa ħafna.”

Il-problemi psikoloġiċi tiegħu aggravaw meta ġie djanjostikat bl-artrite. Sostnew li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust inkiser minħabba li l-Qorti tal-Appell ma evalwatx provi ġodda li kienu jitfgħu dawl fuq l-istat mentali tiegħu meta ta l-kunsens għall-estradizzjoni.

Meli tilef il-kawża kostituzzjonali f’Lulju u nżamm arrestat sakemm jiġi estradit. Madankollu, f’Awwissu l-gvern ħabbar li kien qed jabbozza leġiżlazzjoni li tippermettilu jikkontesta l-estradizzjoni tiegħu għal darb’oħra.

Il-liġi waslet quddiem il-Parlament hekk kif il-Membri Parlamentari rritornaw mill-waqfa tas-sajf, u għaddiet mill-istadji kollha mingħajr oppożizzjoni, bl-Oppożizzjoni tkun qed tappoġġaha. Il-liġi introduċiet salvagwardji proċedurali li jippermettu lil persuna mfittxija “ħin adegwat” biex tirrifletti qabel ma tiddeċiedi jekk taċċettax li tiġi estradita biex tiffaċċja proċess f’pajjiż barrani.

Tipprovdi wkoll li kull persuna li qed tistenna l-estradizzjoni minn Malta fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-liġi wara li tkun iddikjarat li kienet lesta li tiġi estradita, tista’ tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali biex titlob impenn mill-ġdid lill-Qorti biex tiddikjara darba aktar jekk kienx għadu lest li jiġi estradit.

L-avukati ta’ Meli mill-ewwel ressqu rikors f’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi li għadha kif ġiet emendata u l-Qorti tannulla d-deċiżjoni preċedenti ta’ estradizzjoni tal-qrati u ordna smigħ mill-ġdid.

L-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi rrappreżentaw lil Meli.