Il-biljunarju Elon Musk u l-espert fil-qasam tal-farmacewtika Vivek Ramaswamy se jkunu qed imexxu dipartiment ġdid fl-istruttura tal-White House; dak li Trump qed isejjaħlu d-Dipartiment tal-Effiċjenza.
L-għażla ta’ Musk u Ramaswamy kienu konfermati fl-aħħar sigħat, hekk kif il-President-Elett qed ikompli jsawwar it-tim ta’ tmexxija, b’karigi importanti.
Donald Trump qed jinsisti li Musk se jkollu sfida importanti biex irażżan in-nefqa bla bżonn u l-burokrazija. Bil-ħsieb ikun li Elon Musk jagħti gwida minn barra lill-Gvern Amerikan sabiex it-tmexxija tingħata xejra aktar imprenditorjali.
Bosta analisti qed jinsistu li Trump kellu jdur bilfors fuq Elon Musk għal dan ir-rwol sabiex iżomm kellmtu miegħu wara li dan in-negozjant – imwieled l-Afrika t’Isfel – tah l-appoġġ totali tiegħu fil-kampanja Presidenzjali. Tant li kulħadd huwa tal-fehma li r-rebħa ta’ Donald Trump kienet dovuta fil-parti l-kbira tagħha għall-imbottatura kbira li kellu minn naħa ta’ Elon Musk.
Apparti Musk u Ramaswamy, Trump għażel lil Pete Hegseth bħala Segretarju tad-Difiża. Hegseth serva fl-armata, u fl-aħħar snin kien ukoll preżentatur ma’ Fox News – persuna li żgur mhux nieqes mill-kontroversji, partikolarment għall-mod kif hu jħares lejn in-nisa fl-armata.
Għażla oħra tal-President-Elett kienet dik ta’ Kristi Noem, li se tmexxi d-Dipartiment tas-Sigurtà Interna – pożizzjoni li se tkun kruċjali, fost l-oħrajn, għall-kontroll tal-fruntieri u kontra l-immigrazzjoni.
//= $special ?>