Esperta fl-inkjesta tal-Vitals qalet li jeżistu provi li l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers huwa marbut mal-iskandlu lokali tal-Vitals. L-esperta Miroslava Milenovic kienet tqabdet mill-Maġistrat Gabriella Vella li kkonduċiet l-inkjesta li wasslet biex jitressqu persuni fosthom l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff Keith Schembri u l-Eks Ministru Konrad Mizzi, mixlijin b’korruzzjoni tat-tliet sptarijiet.
Dan irriżulta meta kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fil-konfront ta’ Muscat, żewġ Eks Ministri u persuni oħra b’rabta mal-każ. Is-seduta tal-Erbgħa kienet dominata minn battibekki bejn l-esperta Miroslava Milenovic u d-difiża li xeħtet dubji dwar l-esperjenza u l-kompetenza tagħha fuq accounting.
Dan wara li ammettiet li attwalment m’għandhiex warrant biex taħdem bħala accountant. Madankollu, hi ilha taħdem f’dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 20 sena fejn ħadmet ukoll għan-Nazzjonijiet Uniti. Fix-xhieda tagħha, Milenovic qalet li xogħolha kienet li tħares lejn “the big picture” dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet u ilmentat li mhux l-ewwel darba li l-informazzjoni meħtieġa ma ġietx provduta lilha, saħansitra anke minn bank lokali.
L-esperta Serbjana qalet li fil-passat ħadmet fis-settur tal-‘accounting’ u s-servizzi finanzjarji, lestiet korsijiet differenti dwar xogħolha, għandha l-ACCA, hi esperta fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u hija ‘front examiner’.
Qalet ukoll li ħadmet ma’ aġenziji madwar id-dinja grazzi għall-kwalifiki tagħha u ssemmi wkoll li barra n-Nazzjonijiet Uniti, ħadmet fl-Istati Uniti. Il-Prosekuzzjoni bdiet tistaqsi lil Milenovic diversi domandi rigward l-inkarigu tagħha fl-inkjesta,
Evalwat il-kont tal-bank ta’ Joseph Muscat
Hi infurmat lill-Qorti li kienet ħadmet fuq inkjesta maġisterjali oħra f’Malta u eventwalment il-Maġistrat Vella avviċinatha biex tiltaqa’ magħha. L-esperta elenkat dak li kitbet fl-inkjesta u kif qassmitu. Dwar kif sar il-proċess tal-‘procurement’ tal-isptarijiet u l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, sostniet li xogħolha kien li tara l-istampa l-kbira tas-sitwazzjoni u li ġieli kienet tkun preżenti għax-xhieda tal-persuni marbuta mal-iskandlu tal-Vitals.
Milenovic qalet li evalwat ix-xiri tal-kumpaniji MTrace, Bluestone u Technoline kif ukoll l-involviment ta’ kumpaniji varji bħal Sciacca Grill. Qalet li evalwat il-kont tal-bank ta’ Joseph Muscat. Dwar liema taħseb huma l-aktar episodji importanti fir-rapport tagħha, Milenovic ikkonfermat li kellha tħares lejn “the big picture” u x’inhuma l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
“Kien hemm bżonn li nidentifikaw l-allegata korruzzjoni fil-konċessjoni”, qalet Milenovic. U tenniet li meta twaqqfu kumpaniji shell fil-Panama u fil-gżira ta’ Jersey, investigat dan sabiex tiddetermina għal-liema skop intużaw.
Kumpanija shell hija kumpanija li ma tagħmilx negozju jew xogħol, iżda tintuża biex jinħeba l-operat ta’ persuna jew kumpanija oħra. Il-Panama u Jersey huma żewġ ġurisdizzjonijiet li frekwentament jintużaw għat-twaqqif ta’ dawn il-kumpaniji.
Milenovic qalet li l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers hu marbut mal-konċessjoni frawdolenti. Qalet li r-rapport tagħha ma setgħetx tiktbu f’ġurnata u li kellha tirreferi għal sentenza fil-Qorti Ċivili ta’ Malta għaliex ħasset li kienet importanti li tagħmel dan.
Il-Prosekuzzjoni staqsiet lil Milenovic għaliex tkellmet dwar il-korruzzjoni istituzzjonali u dik politika fil-kuntest tal-inkjesta maġisterjali. Milenovic wieġbet li hemm eżempji differenti ta’ korruzzjoni u li kien hemm każi fejn matul xogħolha, hi ġiet ostakolata għaliex kien hemm nuqqas ta’ koperazzjoni biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa.
Hi tilmenta li ċerti rekords ma kinux disponibbli minkejja t-talbiet tagħha, u ssemmi li anke rekords tal-BOV ma kinux disponibbli għaliex il-password li ngħatalha ma kienx jaħdem. “Dan allarmani u biha wasalt għall-konklużjoni ta’ korruzzjoni istituzzjonali”, sostniet Milenovic.
Hi ssemmi li kien hemm bosta dokumenti li ħadd ma seta’ jsibhom, fosthom ukoll Memorandum of Understanding. Filwaqt li tikkonferma li sar ċertu due diligence dwar il-konċessjoni, hi xorta tilmenta li ħafna informazzjoni kienet oskurata jew ma kinitx disponibbli.
Milenovic qalet li fl-2015 kien hemm tliet kumpaniji li offrew biex imexxu l-isptarijiet iżda dawn instabu li ma kellhomx l-esperjenza meħtieġa biex imexxuhom. L-esperta tenniet li żewġ kumpaniji dehru li ma kinux preparati għal din il-konċessjoni fid-dawl tal-kobor tagħha u waħda minnhom “lanqas ressqet business plan”.
L-esperta tiġi mistoqsija dwar imejl li rċieva Joseph Muscat u wara 20 minuta, għaddiet lil Keith Schembri. Milenovic tgħid li dan l-imejl kienet importanti għaliex uriet li Muscat kien konxju bl-eżistenza ta’ kumpaniji bħal Bluestone.
Rigward Ram Tumuluri, Milenovic tgħid li “kollox dwaru huwa stramb” u ssemmi li r-rekords tax-xogħol tiegħu għandhom bosta diskrepanzi. Filwaqt li Milenovic irreferiet għal din is-sejba bħala waħda sinifikanti, hi tikkjarifika li kellha tkun il-Maġistrat li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar x’inhu sinifikanti.
Hi qalet ukoll li l-istrutturi marbuta mal-konċessjoni kienu kumplessi ħafna u li f’Jersey biss infetħu madwar 10 kumpaniji shell. “Dan għalija kien tat-tħassib (red flag)”, tirrimarka Milenovic.
Milenovic tgħid li l-Gvern u l-istituzzjonijiet kellhom iwaqqfu t-twaqqif tal-kumpaniji shell iżda f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda attentat. Hi ssemmi kif Christopher Spiteri, wieħed mill-akkużati, kien intalab biex jagħmel xogħol ta’ awditur fuq uħud minn dawn il-kumpaniji.
“Ħadd mill-Gvern jew l-istituzzjonijiet ma staqsa lil dawn il-kumpaniji għall-kontijiet tagħhom jew il-financial statements”, qalet Milenovic. Tenniet li mhijiex prassi tajba li kumpanija tixtri oħra mingħajr ma tkun għamlet l-awditjar tagħha.
L-esperta kompliet tgħid li miljuni ta’ ewro mill-fondi pubbliċi għaddew għand kumpaniji diversi bħal MTrace filwaqt li fondi oħrajn intużaw fuq binjiet differenti jew saħansitra għaddew għand dawn il-kumpaniji shell.
Waħda mir-‘red flags’ li ssemmi Milenovic kienet li l-kumpanija Mount Everest irċeviet madwar €3 miljun f’fondi pubbliċi mingħajr ma ngħatat spjegazzjoni għaliex intbagħtu dawn il-flus. Mount Everest kienet waħda mill-kumpaniji li twaqqfu f’Jersey. Din il-kumpanija jidher li kienet ibbażata f’Dubai.
Bosta pagamenti li jorbtu lil Joseph Muscat mal-kumpanija Accutor AG u Shaukat Ali
Milenovic kompliet tgħid li biex struttura kumplessa bħal din topera sewwa, hemm bżonn l-intervent ta’ intermedjarji professjonali. Hi ssemmi li l-FATF stess tgħid li l-ħasil ta’ flus jew operazzjonijiet illegali simili jirrekjedu l-għajnuna ta’ professjonisti.
Milenovic telenka bosta pagamenti li jorbtu mal-kumpanija Accutor AG, Shaukat Ali u Joseph Muscat u tikkjarifika li dan kollu huwa mniżżel fir-rapport tagħha. Miċ-ċifri li qed taqra Milenovic, joħroġ li Steward ħallset lil Accutor u Accutor ħallset lil Joseph Muscat. Il-pagamenti dejjem kienu jduru maċ-ċifra ta’ €15,000.
Meta beda l-kontro-eżami minn naħa tad-difiża, il-Maġistrat Montebello widdbet lill-avukat Vince Galea li qed jidher għal Joseph Muscat, biex ma jintervjenix waqt li tkun qed tixhed l-esperta. Hawn peress li l-Avukat Galea beda jagħmel diversi domandi dwar il-kwalifiki ta’ Milenovic.
L-avukat Veronique Dalli staqsiet dwar Taomac. Milenovic tgħid li din il-kumpanija ftit li xejn issemmiet fl-inkjesta. Hawn reġa’ intervjena l-Avukat Galea li beda jinsisti li Milenovic għandha tipprovdi evidenza taċ-ċertifikati kollha li semmiet fil-bidu tax-xhieda tagħha.
“F’xhieda oħra quddiem qrati oħra, ix-xhud qalet li għandha ċertifikat ta’ ‘geophysicist’ imma rrid prova ta’ dan kollu”, qal Dr. Galea, bil-Maġistrat tgħidlu li ma jistax jitkellem dwar seduti li jsiru quddiem qrati differenti.
Hu argumenta li ma jistax jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu jekk ma jkollux evidenza taċ-ċertifikati tal-esperta. Dr. Galea jistaqsi lix-xhud tistax tipprovdi evidenza taċ-ċertifikati u hi twieġeb li m’għandhiex problema tagħmel dan.
Hu jistaqsiha x’xogħol għamlet ma’ PwC u Milenovic tgħid li għamlet xogħol bħala direttriċi fl-aħħar snin. L-Avukat Galea jisħaq li x-xhud qed tkun vaga u l-Maġistrat tgħid li ma jistax jargumenta max-xhud. L-esperta tilmenta li “qed tipprova tiġi umiljata” iżda l-Maġistrat twiddibha li ma jfissirx li qed tiġi umiljata għaliex isirulha l-mistoqsijiet.
Il-Maġistrat tisħaq li ma tistax tittollera li jsiru l-istess mistoqsijiet biex ix-xhud tirrepeti ruħha. Hi ssostni li d-difiża tista’ tirreferi biss għal dak li xehdet l-esperta. Dr. Galea qal li qiegħed biss jistaqsi dwar il-kwalifiki tal-esperta u x’modules kellha tgħaddi minnhom biex kisbet il-masters fit-terroriżmu.
Dr. Galea reġa’ talab biex jiġu sottometti ċ-ċertifikati li jikkonfermaw il-kwalifiki ta’ Milenovic iżda din id-darba l-Prosekuzzjoni toġġezzjona u tistaqsi x’relevanza għandhom dawn id-dokumenti. Il-Qorti tilqa’ t-talba tad-difiża u tispjega lill-esperta x’ċertifikati għandha tissottometti.
Dr. Galea jistaqsi lill-esperta dwar il-Masters tagħha u l-korsijiet li għamlet. Din id-darba, il-Maġistrat Montebello terġa’ twissi lill-esperta u lil Dr. Galea biex iġibu ruħhom sew fl-awla u ma jmorrux lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom. L-Avukat Galea jisħaq li l-kwalifiki tal-esperta marbuta mal-‘accounting’ ma jfissrux li kienet accountant jew setgħet tagħmel xogħol ta’ accountant.
L-avukati li qed jirrappreżentaw lil Muscat qed jisħqu mal-Qorti li mhux tirrispondi l-mistoqsijiet tagħhom. Il-Maġistrat tgħid li d-difiża ma tistax toqgħod targumenta mal-esperta imma titlob lill-esperta twieġeb b’mod konċiż fejn hu possibbli.
Dr. Galea f’ħin minnhom qal li x-xhud qed tkun “arroganti”, bil-Maġistrat tisħaq li x-xhud għandha titħalla twieġeb il-mistoqsijiet li jsirulha. Milenovic tikkonferma li m’għandhiex degree fl-accounting. Dr. Galea jistaqsi lil Milenovic jekk tafx lill-espert Samuel Sittlington, iżda l-Maġistrat tistaqsih x’relevanza għandha din il-mistoqsija.
Il-Maġistrat ma tippermettix din il-mistoqsija u tgħid li diġà huwa ċar li t-tnejn li huma, huma esperti li xehdu fl-inkjesta. Dr. Galea jistaqsi kif inhu l-każ li għamlet l-ACCA mingħajr ma saret accountant. Milenovic tgħid li għamlet ħajjitha taħdem bħala accountant u li d-diploma tal-ACCA waħedha ma jfissirx li saret accountant. Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla.
Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, l-Eks Ministru Konrad Mizzi, u 11-il individwu ieħor flimkien ma’ diversi kumpaniji jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, korruzzjoni, tixħim, u diversi allegazzjonijiet serji oħra b’rabta mal-frodi tat-tliet sptarijiet. Huma ġew akkużati b’tixħim, frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni kriminali u kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
B’kollox hemm akkużi fil-konfront tat-28 persuna bil-bqija qed ikollhom il-każ tagħhom jinstema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. Dawn jinkludu lill-Eks Ministri Edward Scicluna u Chris Fearne.
It-tim tad-difiża hu kompost mill-Avukati Stefano Filletti, Jason Grima, Arthur Azzopardi, Sean Zammit, Mark Vassallo, Edward Gatt, Marion Camilleri, Franco Debono, Chris Cilia, Dean Hili, Veronique Dalli, Andrè Portelli, Giannella de Marco, Charles Mercieca, Stephen Tonna Lowell, Vincent Galea, Rachel Powell, Charlon Gouder, Dominic Micallef, Ishmael Psaila u Etienne Borg Ferranti, Shazoo Ghaznavi, David Bonello, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale.
//= $special ?>