Lokali Parlament

Fil-pajjiż hawn iktar nies li qed jaqilgħu inqas


Ivan Castillo, PN


Ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo sostna fil-Parlament li fil-pajjiż hawn iktar nies li qed jaqilgħu inqas.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Ekonomija, l-intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Ivan Castillo tkellem dwar l-għoli tal-ħajja u qal li din hi pjaga li l-poplu kollu qed iħoss għalkemm hemm min iħossha ferm iżjed minn oħrajn.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-ammont ta’ flus li l-familji qed ikollhom jonfqu kull xahar huma inkwetanti. Dan il-budget ma kellux miżuri li għinu lil kategoriji tal-ħaddiema u kien mistenni iżjed.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ t-taxxa fuq il-Cola u qal li din hi l-aktar taxxa inġusta fuq il-ħaddiema. Il-PN diġà ddikajara li se jneħħi din it-taxxa minn fuq il-Cola. L-imsieħba soċjali kollha jaqblu mal-proposta tal-PN, sostna Ivan Castillo, li kompla li minkejja dan, il-gvern baqa’ jsostni li din ma tistax issir.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-ħaddiem għandu jingħata dak li jixraqlu u tkellem dwar il-basket tal-Cola fejn irrifera għal analiżi tal-Caritas. Hu kompla li l-Caritas qed tgħid li l-basket tal-Cola jrid jinbidel u għandu jerġa’ jkun ikkunsidrat biex in-nies jingħataw iktar żidiet skont il-kwalità tal-ħajja.

Il-Caritas qed tipproponi li l-karozzi, il-ħlas tal-kirjiet u self, u l-ikel barra darba fil-ġimgħa, jiddaħħlu f’dan il-basket għaliex dawn huma essezjali fid-dinja tal-lum.

Il-Caritas qed tispeċifika wkoll li żewġ adulti b’żewġt itfal għandhom bżonn €33,000 biex jgħaddu, persuna weħidha għandha bżonn €30,000 waqt li koppja anzjana għandha bżonn €26,500 biex tgħaddi.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN lest li jiddjaloga mal-gvern għaliex ipoġġi l-interess nazzjonali bħala prijorità. Ir-rapport tal-Caritas jispjega li l-inguwaljanza bejn l-2023 u l-2024 żdiedet b’19% fil-mod li tfisser li hawn iktar nies li qed jaqilgħu inqas.

Jirriżulta li hawn 156,000 persuna li jaqilgħu inqas minn €19,000 li hi l-paga medja fil-pajjiż, waqt li 66% ta’ dawk li jaħdmu jaqilgħu inqas minn medja fil-pajjiż. Din hi żieda ta’ 15%, spjega Ivan Castillo.