Lokali Parlament

Il-budget ma daħħal l-ebda fiduċja ġdida għan-negozji żgħar u medji


Robert Cutajar, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna fil-Parlament li l-budget ma daħħal l-ebda fiduċja ġdida għan-negozji żgħar u medji.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Robert Cutajar qal li s-sidien tan-negozji żgħar u medji bagħtu messaġġ ċar u qalu li hawn inċertezza u li l-mudell ekonomiku jrid jinbidel drastikament.

Dan il-budget ma solviex il-problema tal-inċertezza għal dan is-settur minħabba li ma kien fih l-ebda riferenza għalihom. Dan qaluh ukoll il-maġġoranza tan-negozji żgħar u medji, spjega Robert Cutajar, li kompla li dawn qalu li ma kellhomx fiduċja f’min qed imexxi. Kien hemm ukoll 30% li qalu li mhumiex lesti jivestu f’Malta fil-futur.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern mhux jagħmel biżżejjed u sostna li l-problema tat-traffiku qed ittellef mill-mixja tal-ekonomija.

Hu sostna li l-gvern mhux jikkunsidra l-proposti tal-imsieħba soċjali u qal li l-burokrazija qed ittellef il-mixja tan-negozji ‘l quddiem. Il-Ministeru tal-Ekonomija għandu jagħti direzzjoni, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-gvern jinsab mingħajr koordinazzjoni bejn il-ministeri. Dan qed iwassal biex qed ibatu l-ħaddiem u dawk li investew fin-negozji.

Hu tkellem dwar il-Kooperattivi u qal li l-gvern ma semma’ xejn dwarhom fil-budget. Jeħtieġ li dawn iħossuhom stmati mill-gvern għaliex qed jikkontribwixxu 5,000 impjieg fil-mudell kooperattiv.

Importanti li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar dan is-settur ikun konkluż, sostna Robert Cutajar li qal li l-PN sema’ mingħand il-Kooperattivi dwar proposti għal dan is-settur. Hu ta’ sodisfazzjoni li ż-żewġ Kooperattivi issa poġġew flimkien u qed jikkoperaw. Il-gvern m’għandux jindaħal iżżejjed f’dan is-settur, appella Robert Cutajar.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li s-sidien investew bil-kbir fil-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali iżda mhux aċċettabbli li dan il-post għadu sit ta’ kostruzzjoni bla aċċess għat-trasport pubbliku. Mhux aċċettabbli li jkun hemm piki bejn il-gvern u s-sidien. Hu appella biex fl-MCESD jkun hemm ir-rappreżentanti tal-Kooperattivi.