Sport

Il-jott Calypso rebaħ it-titlu overall fil-BOV Gozo Autumn Regatta

Il-jott Calypso ta’ Sebastian Ripard rebaħ it-titlu overall u l-Klassi IRC 1 fil-BOV Gozo Autumn Regatta. Kompetizzjoni mifruxa fuq tlett ijiem fejn wara l-ewwel ġurnata l-kontendenti għall-unur ġenerali kienu Elusive 2 tal-aħwa Podesta, Calypso ta’ Sebastian Ripard, u Jubatus ta’ Sean Borg.

Fl-aħħar ġurnata ta’ kompetizzjoni f’baħar aktar kalm, ir-riħ varja bejn 6 u 12-il mil nawtiku fis-siegħa. Ir-riżultat tar-regatta kien jiddependi fuq l-aħħar tellieqa, li fl-aħħar iddeterminat ir-rebbieħa f’kull klassi.

Ir-rebbieħ tal-Klassi IRC 2, Ottovolante ta’ John Cachia West, rebħet l-aħħar tellieqa lejn Malta u għelbet lil Juniper ta’ Brian Flahive b’punt biss. Fit-tielet post spiċċat Vivace, ta’ Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele.

Il-Klassi tal-Cruisers intrebħet minn Dimm ta’ Kevin Pisani Zammit .

It-trofej lir-rebbieħa kienu ppreżentati minn Charles Azzopardi, rappreżentant tal-BOV; flimkien mal-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club David Cremona.