Dan il-Ministeru ta’ Għawdex. Hawn fejn qatt ma rifset u m’għamlitx siegħa xogħol il-mara tal-Ministru Clayton Bartolo li minn flus il-poplu iżda tħallset kważi €70,000 għal konsulenzi li ma tatx f’uffiċċju li ma eżista qatt f’dan il-Ministeru.
F’konferenza tal-aħbarijiet fir-Rabat, Għawdex, quddiem il-Ministeru ta’ Għawdex, indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u mix-Shadow Minister ta’ Għawdex Alex Borg, il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-ħaddiema Għawdxin u Maltin iridu jiffaċċjaw it-traffiku u ta’ kuljum joħorġu għax-xogħol li jkunu tgħallmu jew studjaw għalih, f’dan il-pajjiż li llum għandu liġi għall-allat u oħra għall-bnedmin, il-Ministri tal-Gvern huma l-allat li jistgħu jagħmlu li jridu u jistgħu jagħtu mas-€70,000 lill-ħabiba tal-Ministru għal xogħol li qatt ma sar.
Meta nqabdu jiffrodaw lill-poplu, il-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri qal li ‘ħa konjizzjoni’.
Ħa konjizzoni forsi tal-fatt li l-mara tal-Ministru suppost kienet impjegata tiegħu? Għax ftit jiem ilu qal li lanqas biss kien jaf li kienet konsulenta tiegħu. Ħa konjizzjoni tal-fatt li m’għamlitx siegħa xogħol għalih? Għax din qatt ma resqet lejn il-Ministeru tiegħu.
Clint Camilleri mhux biss froda l-poplu, imma hu ħati ta’ cover-up. Mhux talli għen lil Clayton Bartolo jisraq €70,000 lill-poplu, talli għamilha ta’ paraventu biex Bartolo u s-sieħba jkunu jistgħu jitħanżru.
Clint Camilleri daħaq bil-poplu Malti kollu, imma l-aktar li seraq kien lill-Għawdxin, għax minflok iffoka fuq x’jista’ jagħmel biex jara li Għawdex jimxi ‘l quddiem, ħela l-enerġija tiegħu jgħatti lill-Ministru, u berbaq €70,000 li setgħu gawdew minnhom l-Għawdxin.
Il-livelli tal-arroganza ta’ Clint Camilleri laħqu l-ogħla livell, għax quddiem din il-frodi u l-cover-up, lanqas indenja ruħu jiskuża ruħu mal-poplu, aħseb u ara kemm se jagħmel dak li titlob l-irġulija u jirriżenja.
La Clint Camilleri jaħseb li l-Għawdxin ma jixirqilhomx aħjar minn hekk, sta għall-Prim Ministru li jpoġġi l-interessi ta’ Għawdex u tal-Għawdxin l-ewwel u jkeċċih.
Sakemm jibqa’ ma jagħmilx dan, il-Prim Ministru hu kompliċi u ħati daqs Clint Camilleri ta’ frodi u cover-up.
Sakemm ma jagħmilx dan, Robert Abela jinkixef ukoll li mhux biss jiddiskrimina bejn il-poplu u l-Ministri, imma anke bejn il-Ministri stess.
Fil-każijiet ta’ Justyne Caruana u Rosianne Cutajar, Abela mexa mod. Se jimxi bl-istess mod ma’ Clint Camilleri u Clayton Bartolo?
Il-Prim Ministru għandu wkoll jitlob liż-żewġ Ministri jirritornaw il-flus li ffrodaw lill-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares l-interessi tal-Għawdxin mill-Oppożizzjoni, u se jkun Gvern li lill-Għawdex jerġa’ jagħtih il-bidla li tixraqlu.
//= $special ?>