Chris Said, PN
Ix-Shadow Minister għall-Kwalità tal-Ħajja u l-Gvern Lokali Chris Said qal fil-Parlament li l-PL qatt ma emmen fil-kunsilli lokali waqt li l-PN irid isaħħaħ l-awtonomija tagħhom.
Chris Said qal li l-gvern reġa’ nesa lill-kunsilli lokali għax il-gvern qatt ma emmen fil-kunsilli lokali. Il-PN dejjem emmen bil-fatti fil-kunċett tal-gvernijiet lokali għaliex kien hu li waqqafhom.
Kull sena l-Gvern Laburista jnaqqas il-poteri lill-kunsilli lokali, sostna Chris Said, li qal li l-kunsilli lokali ma jistgħux itejbu l-kwalità tal-lokaliatjiet għaliex fil-budget il-gvern ma ħabbar ebda inizjattiva biex dan isir.
Għall-kunsilli lokali l-gvern żied biss €1 miljun fil-budget; liema somma lanqas biss tibda għaliex fl-aħħar sentejn kien hemm qabżiet bejn 25% u 75% fl-offerti għall-proġett fil-lokalitajiet. Jeħtieġ studju serju dwar l-allokazzjonijiet għall-kunsilli lokali, sostna Chris Said.
Chris Said qal li l-gvern mhux jinvesti biżżejjed fir-restawr ta’ wirt storiku fejn fil-każ tal-Batterija tal-Qbajjar, il-gvern jippreferi li din il-batterija tkompli taqa’ biċċiet u ma jgħaddihiex lill-kunsill lokali u lil Din l-Art Ħelwa.
Flok ingħataw il-flus lill-kunsilli lokali għat-toroq, il-gvern ta’ €700 miljun lil Infrastructure Malta biex suppost jagħmlu t-toroq kollha ta’ Malta; lanqas biss sar kwart mit-toroq waqt li hemm problemi kbar fiż-żamma ta’ dawn it-toroq.
L-Awtorità tal-Ippjanar qed tibqa’ għaddejja romblu minn fuq il-kunsilli lokali li llum m’għandhom l-ebda leħen.
Chris Said qal li d-dejn tal-pajjiż tela’ minn €5 biljun sa mill-1964, iżda dan il-gvern f’erba’ snin tella’ d-dejn għal €10 biljun. Sa tliet snin oħra d-dejn se jkun sa €13-il biljun. Minkejja dan, l-ammont ta’ fondi li qed jingħataw il-kunsilli lokali qed jonqsu.
Hu appella biex ikun hemm diskussjoni dwar shared taxation biex il-kunsilli jingħataw parti minn ċertu taxxa u liċenzji li jinġabru mil-lokalitajiet; dan bla ma jiżdiedu t-taxxi.
Il-PN jinsab lest li jerġa’ jsaħħaħ il-kunsilli lokali u jerġa’ jagħtihom l-awtonomija li jistħoqqilhom, sostna Chris Said.
//= $special ?>