Lokali Parlament

Jeħtieġ rikonoxximent għall-persuni li volontarjament jaħdmu fil-kultura u fil-festi


Carm Mifsud Bonnici, PN


Ix-Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem Carm Mifsud Bonnici qal fil-Parlament li jeħtieġ rikonoxximent għall-persuni li volontarjament jaħdmu fil-kultura u fil-festi.

Carm Mifsud Bonnici appella biex jinfetħu iktar mużewijiet biex il-pajjiż ikun jista’ joffri prodott ta’ kwalità lit-turist. Hu appella wkoll li binijiet fix-Xatt tal-Birgu li ilhom mhux okkupati għal 12-il sena jkunu konvertiti f’mużewijiet dwar l-istorja.

Jeħtieġ li jkun hemm iktar appoġġ għall-NGOs f’dan is-settur biex iktar postijiet storiċi jkunu restawarti. L-aspett tal-volontarjat għandu jingħata importanza f’dan ir-rigward.

Id-deputat Nazzjonalista qal li jeħtieġ li dawk li jaħdmu fil-festi jsibu l-appoġġ neċessarju u tingħatalhom anki kwalifika edukattiva. Hu sostna li sal-2013 il-kunsili lokali kellhom iktar poteri proprju għaliex il-PN jemmen iktar fid-deċentralizzazzjoni tal-poter filwaqt li l-PL jemmen iktar fiċ-ċentralizzazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista appella biex ikun hemm reġistru għall-persuni li jwettqu volontarjat u qal li l-kunsilli lokali għandhom patrimonju biex jieħu sehem f’diversi attivitajiet. Hu semma’ s-siġar taż-żebbuġ u qal li fil-pajjiż, 20 sena ilu, saeret politika li jinżergħu iktar siġar taż-żebbuġ madwar Malta iżda għad m’hawnx informazzjoni biżżejjed dwar dan.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-pajjiż jeħtieġ ikun hawn iktar mużewijiet u appella biex isir mużew dedikat lil Mattia Preti.