Ivan J.Bartolo, PN
Jeħtieġ skemi biex iż-żgħażagħ li telqu minn Malta jerġgħu jiġu lura billi jiġu kkunsidrati diversi aspetti fosthom il-prezzijiet tal-proprjetà, l-ambjent negattiv u l-klima politika.
Dan sostnih ix-Shadow Minister għax-Xogħol u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J.Bartolo fil-Parlament.
Ivan J.Bartolo qal li jidher li kulħadd qed jifhem l-importanza tal-kwalità fil-ħajja, iżda t-titlu tal-budget jinsab biss fuq il-billboards; il-gvern fil-fatt qed jammetti li hawn nuqqas ta’ kwalità.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ li jkun hemm impenn nazzjonali u attitudni differenti lejn l-isfidi tal-pajjiż. Hu sostna li ż-żewġ naħat iridu jaqblu iżda biex dan isir, irid ikun hemm attitudni u r-rieda li dan isir. Ivan J.Bartolo qal li inutli dan isir meta jkun hemm min moħħu biss fl-elezzjoni li ġejja.
Dwar l-industrija tal-igaming u l-konferenza Sigma, id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jirrikonoxxi kemm din l-industrija li ġiet Malta fid-disgħinijiet kienet kruċjali għall-ekonomija.
Il-problema hi li l-gvern ma ġieb l-ebda investiment ieħor ta’ kwalità. Flok nipproteġu lill-partiti, irridu nipproteġi l-futur tat-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri, sostna Ivan J.Bartolo, li kompla li l-gvern se jqabbad konsulenti barranin biex jgħinu jibni l-viżjoni għal Malta għall-25 sena li ġejja.
Hu qal li n-nies li għandhom il-kapaċità teknika diġà jeżistu fil-pajjiż iżda l-esperjenza hi kruċjali. Il-viżjoni jrid jibnieha dak li għandu l-ħiliet tekniċi u min qed jesperjenzaha.
Il-poplu jrid jasal biex jgħix f’pajjiż ta’ kwalità u f’pajjż normali, sostna Ivan J.Bartolo, li kompla li l-konsulenti għandhom ikunu faċilitaturi u ma jinfluwenzax il-kontenut għaliex dan irid jagħmlu l-poplu Malti u l-imsieħba soċjali.
Ivan J.Bartolo sostna li l-Prim Ministru ma fehemx dak li kien hemm fid-dokument tal-PN li kien abbozz ta’ Awwissu li għadda. Il-politika trid tkun ibbażata fuq l-onestà, sostna Ivan J.Bartolo, li kompla li l-ideat u l-urġenza huma għal Malta.
It-30,000 impjieg li jissemma’ fl-abbozz tal-PN huma fuq medda ta’ tmien snin; liema numri mhux se jżidu l-popolazzjoni għaliex fi tmien snin se jkun hemm studenti mill-Univeristà u l-MCAST li huma l-assi ta’ dan il-pajjiż.
Mhux l-università qed tagħmel it-telf iżda l-pajjiż, biż-żgħażagħ li qed jitilqu minn Malta, sostna Ivan J.Bartolo. Hu appella biex tintuża l-intelliġenza artifiċjali biex ikun hemm minn impjegi li jiġġeneraw pagi baxxi l-pajjiż imur għal impjiegi ta’ kwalità. Jeħtieġ skemi biex iż-żgħażagħ li telqu minn Malta jerġgħu jiġu Malta iżda jridu jiġu kkunsidrati diversi aspetti fosthom il-prezzijiet tal-proprjetà, l-ambjent negattiv u l-klima politika.
//= $special ?>