Il-kor Jubilate Deo rritorna lura Malta wara li ta kunċert maestuż fil-Bażilika dei Santi XII Apostoli, f’Ruma quddiem attendenza kbira. Dan seħħ nhar l-4 ta’ Novembru fejn il-kor flimkien mal-Orkestra Sinfonika ta’ Ruma taħt id-direzzjoni ta’ Mro Christopher Muscat, esegwew żewġ xogħlijiet kbar li kienu kkummissjonati mill-Fondazzjoni Paulus tar-Rabat, Malta, u mtellgħin fl-2017 waqt il-kunċert annwali Pawlin fi Frar ta’ dik is-sena.
L-ewwel xogħol esegwit kienet il-cantata ‘L-X ta’ Frar 1928’ ta’ Mro Christopher Muscat ibbażata fuq il-poeżija ta’ Dun Karm Psaila. Wara ġie esegwit l-oratorio ‘Fino ai Confini della Terra’ ta’ Mons Marco Frisina li kellu lin-narratur Mons. Michael Bugeja, it-tenur Josef Bugeja u l-baritonu Louis Andrew Cassar flimkien mal-kor u l-orkestra. Iż-żewġ xogħlijiet ġew milqugħa tajjeb u kellhom kliem ta’ tifħir mill-kontinġent Malti u wisq aktar minn ħafna oħrajn li semgħu dawn ix-xogħlijiet għall-ewwel darba.
Qabel il-kunċert, Dott. Gerald Bugeja ta taħdita pubblika bit-titlu ‘Il culto di S. Paolo a Malta, come fronte d’ispirazione poetica’. Huwa analizza b’reqqa l-kult ta’ San Pawl f’Malta u kif dan serva ta’ ispirazzjoni poetika.
Il-kor Jubilate Deo li din is-sena qed ifakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, temm iż-żjara tiegħu f’Ruma b’quddiesa animata fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-Vatikan.
Iż-żjara tal-kor Jubilate Deo f’Ruma seħħ bl-inizjattiva ta’ Dr Mark Fenech Vella, President tal-Fondazzjoni Paulus u bl-għajnuna tal-Fond Kulturali Diplomatiku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
//= $special ?>