Lokali Qorti

Ordni ta’ ffriżar ta’ €20 miljun irrevokata fil-konfront ta’ DF Advocates fil-każ Vitals

L-Imħallef Edwina Grima permezz ta’ digriet, irrevokat ordni ta’ ffriżar ta’ €20 miljun fil-konfront tad-ditta legali DF Advocates, waħda mill-kumpaniji akkużati fil-każ Vitals. Fid-digriet tagħha, il-Qorti Kriminali ma laqgħetx l-appell tal-Avukat Ġenerali li kien qed jitlob li minn ordni ta’ ffriżar temporanja tinbidel għal ordni ta’ ffriżar fil-konfront ta’ DF Advocates, bil-Qorti tiċħad ukoll it-talba tiegħu u neħħiet kompletament l-ordni ta’ ffriżar temporanja.

Fid-deċiżjoni tagħa l-Imħallef Grima qalet li d-ditta legali DF Advocates qatt ma tista’ tkun misjuba ħatja ta’ xi reat iżda se mai jistgħu jkunu ħatja persuni oħra. Ingħad ukoll li sabiex tinstab ħtija kriminali jrid ikollok kumpanija jew korp magħqud u li f’dan il-każ, id-ditta legali ta’ DF Advocates ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-kategoriji.

Fid-dawl ta‘ dan kollu, il-Qorti irrevokat kompletament l-ordni ta’ ffriżar fl-ammont ta’ €20 miljun.

Il-kumpanija DF Advocates huma rrappreżentati mill-Avukati Franco Debono, Jonathan Thompson u Ezekiel Psaila.