Lokali

Pajjiżna jfakkar ’50 Sena Repubblika’

Kien it-13 ta’ Diċembru 1974 meta taħt xita qliel, il-poplu Malti u Għawdxi rħielha lejn Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, biex jassisti għall-ewwel diskors tal-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta, Sir Anthony Mamo. Ħamsin sena wara, dan l-avveniment se jiġi mfakkar bl-ispettaklu li ngħata l-isem ‘L-Istorja, Int’.

Din hija t-tema li ġiet magħżula għal dan l-anniversarju, fejn dan il-jum nazzjonali qiegħed jingħata dimensjoni personali u umana, fejn l-istorja ta’ pajjiżna tiġi rikonoxxuta tassew bħala l-istorja ta’ kull ċittadin Malti u Għawdxi.

F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li l-qofol ta’ dan l-anniversarju ser ikun spettaklu awdjoviżiv ‘L-Istorja, Aħna’ li ser jittella’ fit-13, l-14 u l-15 ta’ Diċembru fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta, fejn il-faċċata tal-Palazz tal-President ser isservi bħala tila moderna li ser tgħin biex tiġi rrakkuntata l-istorja ta’ pajjiżna.

Apparti l-50 sena Repubblika, din is-sena l-poplu Malti u Għawdxi fakkar is-60 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza.