Lokali

Riżultati finanzjarji pożittivi għall-MIA għall-ewwel disa’ xhur tal-2024

Bejn Jannar u Settembru 2024, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġġenera dħul ta’ €107.8 miljun u għamel profitt nett ta’ €39.5 miljun. Dawn ir-riżultati nkisbu f’kuntest ta’ traffiku tal-passiġġiera li baqa’ jissaħħaħ, tant li fl-istess perjodu, l-ajruport laqa’ 6,896,928 passiġġier.

In-nefqa kapitali għall-ewwel disa’ xhur tal-2024 kienet ta’ €39.7 miljun, hekk kif il-kumpanija kompliet ix-xogħlijiet fuq proġetti infrastrutturali, inkluż il-kostruzzjoni ta’ Apron 8 South, l-ewwel fażi tal-Proġett tat-Tkabbir tat-Terminal u l-iżvilupp tal-VIP Terminal.

Ir-riżultati tat-traffiku għal Ottubru

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll li t-traffiku tal-passiġġiera żdied bi 8.7 fil-mija matul ix-xahar ta’ Ottubru u dan meta wieħed jikkumpara mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. Għall-ewwel darba għax-xahar ta’ Ottubru, il-moviment tal-passiġġiera qabeż il-mira ta’ 800,000 passiġġier, biex għaddew mill-ajurport 838,393 passiġġier.

L-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja ddominaw il-lista tal-aktar swieq turistiċi importanti għal Malta, hekk kif flimkien dawn kienu responsabbli għal iżjed minn 50 fil-mija tal-moviment tal-passiġġiera f’Ottubru. Filwaqt li Franza u l-Polonja kienu r-raba’ u l-ħames l-aktar swieq importanti, it-traffiku mis-suq Pollakk irreġistra l-akbar tkabbir fuq is-sena li għaddiet, b’rata ta’ 49.8 fil-mija.