Lokali

Robert Abela mhux isib appoġġ fost id-deputati biex iżomm lill-Ministri Bartolo u Camilleri

Huwa evidenti l-inkwiet għal Robert Abela.

Il-Grupp Parlamentari jinsab maqsum bil-kbir fuq il-kwistjoni tal-Minstri Clayton Bartolo u Clint Camilleri…. u l-impjieg tal-issa mara ta’ Bartolo, Amanda Muscat.

Dan hekk kif l-Erbgħa waranofsinhar Abela laqqa’ b’urġenza l-Grupp Parlamentari fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bis-sorsi ta’ Net News jisħqu li matul il-laqgħa il-Mexxej tal-Labour wettaq pressjoni fuq id-deputati biex ifarfar id-deċiżjoni fuq id-deputati… biex iżomm miegħu liż-żewġ Ministri.

Evidenti l-fatt li kien hemm diversi Deputati u Ministri li ma tfaċċawx għal din il-laqgħa fosthom id-Deputati Mexxejja tal-Labour u numru ta’ Ministri oħrajn.

Is-sentiment tad-Deputati kien ċar – li ladarba joħorġu għonqhom għal Clayton Bartolo u Clint Camilleri se jkunu qed jidhru koroh għaliex effettivament il-Kummissarju tal-Istandards sabhom ħatja. 

Dan filwaqt li fakkru lill-Prim Ministru fil-mod kif mexa fil-każ ta’ Rosianne Cutajar.

Oħrajn matul il-laqgħa semmew kif f’Għawdex, il-Labour se jkollu inkwiet kbir ladarba jżomm lil Camilleri u Bartolo miegħu hekk kif se jintilfu darba għal dejjem il-voti tal-Eks Ministru Justyne Caruana… li wkoll kienet ingħatat il-ġenb mill-Prim Ministru.

Net News kien preżenti quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Labour fejn staqsejna lil uħud mid-Deputati li tfaċċaw għal laqgħa – min skomdu jwieġeb, min ifarfar fuq Abela u min daqslikieku mhu qed jiġri xejn.

Fl-aħħar jiem l-Eks Ministru Evarist Bartolo appella għas-serjetà minn naħa tal-Kabinett ta’ Abela fejn saħansitra qabblu ma’ ċirku tal-buffi – bid-Deputati xejn ma niżel tajjeb magħhom dan il-kumment.

Intant, l-istess sorsi li tkellmu magħna saħqu li s’issa Robert Abela – minkejja li saret din il-laqgħa – mhux qed isib appoġġ unanimu biex il-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri jibqgħu jiffurmaw parti mill-Kabinett.